COVID-19
Il-Fergħa tal-BOV tal-Marsa tingħalaq temporanjament

Il-Bank of Valletta jixtieq javża lill-klijenti tiegħu li l-Fergħa tal-Marsa ser tingħalaq b’mod temporanju minn għada wara li terza persuna nstabet pożittiva għal COVID-19.

Iċ-ċekkijiet iddepożitati nhar l-Ġimgħa 16 ta’ Ottubru permezz tac-Cheque Deposit Box se jiġu pproċessati wara l-20 ta’ Ottubru. Il-faċilità tan-Night Safe ta’ din il-Fergħa għalissa mhux ħa tkun disponibbli. Il-Fergħa se tiġi diżinfettata skont il-linji gwida tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u terġa’ tinfetaħ meta jkun aċċertat li hija sikura għall-klijenti u l-impjegati tal-Bank. F’każ li jkun hemm xi individwi li setgħu ġew esposti għall-virus, dawn se jiġu infurmati mill-Awtorità tas-Saħħa bħala parti mill-protokoll tal-contact tracing.

Il-Bank jiskuża ruħu għal kull inkonvenjent lill-klijenti tiegħu.

Intant, il-klijenti huma mħeġġa biex inaqqsu r-riskju ta’ kuntatt u jużaw l-ATMs, il-BOV Internet Banking, BOV Mobile Banking, BOV Pay u BOV Debit u Credit Cards għall-ħtiġijiet bankarji tagħhom u pagamenti. Klijenti li jeħtieġu servizzi mhux relatati mal-kaxxier bħal self għad-djar, self personali, investimenti, ftuħ ta’ kontijiet u applikazzjonijiet għal servizzi ġodda huma ġentilment mitluba jċemplu fuq 2131 2020 jew jibagħtu email fuq [email protected] sabiex jagħmlu appuntament mal-fergħa tagħhom.

Il-Bank of Valletta se jkompli jieħu l-miżuri kollha meħtieġa fl-aħjar interess u sigurtà tal-klijenti u tal-impjegati tiegħu u jfakkar lill-klijenti li meta jżuru l-Bank għandhom dejjem isegwu l-prekawzjonijiet neċessarji bħad-distanza soċjali, jilbsu l-maskri kif suppost u jużaw sanitiser.