Lokali
Il-Fergħa tal-BOV taż-Żurrieq tingħalaq temporanjament

Il-Bank of Valletta jixtieq javża lill-klijenti tiegħu li l-Fergħa taż-Żurrieq ser tingħalaq b’mod temporanju mill-Erbgħa 21 ta’ Ottubru wara li wieħed mill-impjegati irriżulta pożittiv għall-COVID-19.

Il-Fergħa se tiġi diżinfettata skont il-linji gwida tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u terġa’ tinfetaħ meta jkun aċċertat li hija sikura għall-klijenti u l-impjegati tal-Bank. F’każ li jkun hemm xi individwi li setgħu ġew esposti għall-kontaġju, dawn se jiġu infurmati mill-Awtorità tas-Saħħa bħala parti mill-protokoll tal-contact tracing.

Il-faċilità tan-Night Safe ta’ din il-Fergħa għalissa mhux ha tkun disponibbli.

Il-Bank ifakkar lill-klijenti tiegħu li l-fergħat tiegħu tal-Gżira u tal-Marsa ser jinfetħu mill-Erbgħa 21 ta’ Ottubru. Il-Fergħat ta’ Ħal-Qormi u Ħaż-Żabbar għalissa se jibqgħu magħluqa minħabba każijiet tal-COVID-19, filwaqt li l-Fergħa tal-Ħamrun qed toffri servizz limitat. Il-klijenti huma mħeġġa li qabel iżuru fergħa tal-BOV, jiċċekkjaw jekk il-Fergħa tagħhom ġietx milquta fuq https://www.bov.com/content/bov-branches-covid.

Ħu Ħsieb

Il-klijenti huma mħeġġa biex inaqqsu r-riskju ta’ kuntatt u jużaw l-ATMs, il-BOV Internet Banking, BOV Mobile Banking, BOV Pay u BOV Cards għall-ħtiġijiet bankarji tagħhom u pagamenti.

Biex jevitaw jistennew fi kju, klijenti li jeħtieġu servizzi mhux relatati mal-kaxxier bħal self għad-djar, self personali, investimenti, ftuħ ta’ kontijiet u applikazzjonijiet għal servizzi ġodda huma ġentilment mitluba jċemplu fuq 2131 2020 jew jibagħtu email fuq [email protected] sabiex jagħmlu appuntament mal-fergħa tagħhom.

 

Il-Bank of Valletta se jkompli jieħu l-miżuri kollha meħtieġa fl-aħjar interess u sigurtà tal-klijenti u tal-impjegati tiegħu u jfakkar lill-klijenti li meta jżuru l-Bank għandhom dejjem isegwu l-prekawzjonijiet neċessarji bħad-distanza soċjali, jilbsu l-maskri kif suppost u jużaw sanitiser.