Droga
Il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Knisja twissi dwar qerq fuq l-effett tal-kannabis

Il-Malta Catholic Youth Network (MCYN)  ippubblikat dokument ta’ pożizzjoni bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Gvern għall-White Paper “Lejn it-Tisħiħ tal-Qafas Legali għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis”.

L-MCYN, li hija l-entità tal-Arċidjoċesi ta’ Malta li taħdem maż-żgħażagħ u tirrappreżenta ’l fuq min 100 għaqda taż-żgħażagħ, qalet li hija kontra l-użu ta’ sustanzi psikoattiva li jkunu ta’ ħsara kemm jekk legali kif ukoll jekk illegali.

Hija sostniet li t-tħassib ewlieni tagħha dwar din il-‘white paper’ hija għax tista’ twassal għan-normalizzazzjoni u l-popolarizzazzjoni tal-użu tal-kannabis fost l-adolexxenti u ż-żgħażagħ jistgħu jiġu mqarrqa billi jemmnu li l-kannabis m’għandux effetti ħżiena.

Skont il-MCYN l-‘white paper’ imsemmija ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn il-benefiċċji u l-perikli tal-kannabis rikreattiva u dik mediċinali u titkellem dwarhom daqslikieku l-benefiċċji u l-perikli huma ndaqs.

Hija sostniet li taqbel mad-dekriminalizzazzjoni fejn jidħol użu personali minn adulti biex dawk dipendenti mis-sustanza ma jingħatawx sentenza ta’ ħabs iżda l-opportunità li jfittxu
l-għajnuna minn riskju ta’ vizzju.

Fl-istess waqt saħqet dwar kampanja edukattiva li tgħallem il-miżuri preventivi li wieħed għandu jieħu biex jibqa’ ’l bogħod minn sustanzi bħall-kannabis.

L-MCYN qalet li l-leġiżlazzjoni għandha tagħmel dispożizzjonijiet li mhux biss jħarsu l-minuri u jnaqqsu l-użu tal-kannabis fost il-minuri iżda wkoll jipproteġu u jappoġġjaw adulti li għandhom riskju ogħla li ssirilhom il-ħsara.

Dan b’mod partikolari meta jitqies li l-istudji xjentifiċi juru li l-użu tal-kannabis minn żgħażagħ taħt l-età ta’ 21 sa 25 iżid ir-riskji tal-effetti ta’ ħsara ta’ din is-sustanza, hija żiedet tgħid.