Reliġjon
Il-festa tal-Epifanija terġa’ tingħata l-ħajja f’Malta u f’Għawdex

L-ewwel Ħadd fuq l-ewwel ta’ Jannar il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Epifanija li hija t-tifsira ta’ dak kollu li hi l-istorja tas-Salvazzjoni, fejn Alla permezz ta’ Ġesù Bambin juri ruħu lill-bniedem.

Din il-festa, magħrufa bħala tat-tliet Slaten Maġi dari kienet tkun iċċelebrata bi kbir, illum il-ġurnata iżda m’għadhiex daqstant popolari f’Malta. Din il-festa reġgħet bdiet tingħata l-ħajja l-ewwel bil-presepju ħaj ta’ Betlemm f’Għajnsielem u s-Sibt filgħaxija stess l-istess organizzaturi taw daqqa t’id lill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun fejn, flimkien mat-tliet baned Ħamruniżi; l-għaqda mużikali San Ġejtanu, is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp u l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni laqgħu lis-Slaten Maġi fi triqithom lejn Għajnsielem biex għada jagħlqu uffiċjalment il-ħdax-il edizzjoni ta’ Betlemm f’Għajnsielem.

Qalb id-daqq trijonfali, it-tlett slaten Maġi waslu quddiem is-Santwarju tas-Samra qalb iċ-ċapċip u l-ferħ tal-folla li nġabret. Dalgħodu huma bdew il-vjaġġ tagħhom mill-Birgu għall-ħabta tal-10:30 ta’ filgħodu imbagħad qasmu b’dgħajsa tal-pass għax-Xatt tal-Belt Valletta fejn minn hemm qabdu t-triq għall-Ħamrun.

Mal-waslu tagħhom quddiem is-Santwarju tas-Samra, Caspar, Melchior u Baltazhar niżlu minn fuq iż-żwiemel u daħlu fis-Santawrju fl-istess post fejn fl-1921 San Ġorġ Preca f’lejlet il-Milied kien organizza l-ewwel purċissjoni bil-bambin.

Illum fil-festa tal-Epifanija l-Maġi se jduru madwar it-toroq tal-Imdina u wara l-attività tkompli fil-Mellieħa. Wara jkun immis li t-tlett slaten maġi jaqsmu l-fliegu sabiex jidħlu f’Bethlehem t’Għajnsielem u joffru r-rigali ta’ deheb, inċens u mirra lil Bambin Ġesu.