Mużika
Il-festival Lost and Found mhux se jsir f’Malta din is-sena

L-organizzaturi tal-festival Lost and Found ħabbru li din is-sena mhux se jkunu jistgħu jtellgħu dan il-festival f’Malta kif kien ippjanat li jsir f’Settembru li ġej.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali l-organizzaturi qalu li t-tim kien qed jaħdem biex il-festival ikun jista’ jsir b’mod sigur u segwew mill-qrib is-sitwazzjoni kif kienet qed tiżviluppa kemm fir-Renju Unit u anki f’Malta.

Qalu madanakollu li għad baqa’ inċertezza fuq l-ivvjaġġar u anki fuq l-organizzazzjoni ta’ attivtajiet tal-massa f’Malta, u għalhekk il-festival se jiġi pospost għal bejn l-1 u l-4 ta’ Ġunju 2022.

Dawk li laħqu bbukkjaw se jkollhom il-biljetti trasferiti għas-sena d-dieħla, u min ma jkunx jista’ jattendi fid-dati tal-2022 jista’ jitlob rifużjoni.