Kultura
Il-Festival tal-Kanzunetta Maltija lura fuq TVM – Mużika Mużika ċelebrazzjoni tal-identità nazzjonali

Bejn it-18 u l-20 ta’ Marzu li ġej se jirritorna l-festival Kanzunetta Maltija bl-isem ta’ ‘Mużika Mużika’ bis-sehem ta’ 20 kanzunetta li ntgħażlu minn kważi 150 sottomissjoni. Il-festival li se jixxandar fuq Television Malta se jkun ċelebrazzjoni tal-kanzunetta Maltija iżda ntqal li se jkun ukoll ċelebrazzjoni ta’ dak kollu li hu Malti fosthom il-lingwa u s-satira.

Għall-ewwel darba fi tmien snin se jirritorna l-Festival tal-Kanzunetta Maltija bl-isem ta’ Mużika Mużika. Joseph Cauchi mit-tim tal-produzzjoni qal li l-festival se jkun ta’ livell għoli ħafna u mimli sopriżi għas-segwaċi fosthom għax se jkun hemm festa ta’ kuluri anki bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Il-festival se jittella’ bejn it-18 u l-20 ta’ Marzu u se jixxandar fuq Television Malta.

“Il-Ħamis fl-ewwel serata se jkun hemm 20 kanzunetta. In-nies se jkollhom ċans jivvutaw biex jagħżlu 12 u finalment jgħaddu għas-Sibt. Il-Ġimgħa se jkun iktar forma ta’ kunċert. Se jkun hemm il-leġġendarji Maltin b’mużika li kulħadd iħobb nimmaġinawhom bilqiegħda kulħadd ikanta u jiżfen ma’ dawn il-kanzunetti.”

Iċ-Chairperson tal-Public Broadcasting Services, Carmen Sammut, qalet li l-avveniment hu ċelebrazzjoni ta’ dak kollu li hu Malti u l-istazzjon nazzjonali ma setax ma jkunx parti minnu.

“Waħda minnhom hi li jkompli jsaħħaħ l-ilsien Malti u jużah tajjeb u din hi opportunità għalina li nkomplu nħaddmu l-ilsien Malti permezz tal-kanzunetta. Kienet aħbar tajba li wara tant snin qed jirritorna dan il-festival u se nkunu qegħdin ngħinu biex titwessa’ l-għadira kulturali fil-gżejjer tagħna.”

Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Ray Bugeja, qal li ġew ingaġġati esperti biex jassiguraw li kollox isir skont il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa/ Is-Sur Bugeja qal li matul il-festival se jkun hemm ukoll element ta’ satira.

“U xorta nassiguraw li l-prodott se jkun eċċellenti u assolutament in-nies hemm barra dawk li qed jarawna fuq it-televiżjoni lanqas se jindunaw minn dawn l-affarijiet kollha għax il-produzzjoni tibqa’ sejra normali.”

Il-Ministri José Herrera u Carmelo Abela qalu li l-festival se jservi ta’ vetrina għall-artisti lokali billi joħloq opportunitajiet għal dawk li jixtiequ jesprimu t-talent tagħhom bl-ilsien Malti.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie ffirmat ftehim fil-prinċipju bejn Festivals Malta u l-PBS biex jipproduċu programmi kulturali u artistiċi tal-aqwa kwalità, bħal Mużika Mużika.