Lokali
Il-filmat tal-ħaddiem jissielet għal ħajtu kellu jixxandar?

Sezzjonijiet tal-midja lokali li xandru l-filmat tal-ħaddiem ta’ 26 sena jissielet biex isalva ħajtu qabel ma waqa’ għal isfel, qajmu dibattitu jaħraq dwar jekk dan il-filmat kellux fil-fatt jidher.

Il-filmat kien diġà ħareġ fuq il-midja soċjali qabel ma nħareġ mis-siti tal-aħbarijiet, u fih kien jidher il-ħaddiem fl-aħħar minuti ta’ ħajtu jipprova jitla’ mal-ħabel, sakemm finalment ma felaħx iżomm iżjed u waqa’ madwar seba’ sulari għal isfel.

Kienu ħafna dawk li xxokkjaw ruħhom b’din ix-xena traġika, u saħqu li b’rispett lejn il-qraba tal-ħaddiem, il-filmat ma kellux jixxandar. Oħrajn iżda ħassew li l-filmat kien importanti biex iqajjem kuxjenza dwar il-konsegwenzi meta ma jittiħdux miżuri tas-sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni.

TVM talab l-opinjoni tal-Professur Carmen Sammut, li ma qablitx li l-filmat kellu jixxandar, għaliex qalet li l-intenzjoni tiegħu ma kinitx li jqajjem kuxjenza, iżda li l-midja tiggwadanja minnu. Isma’ l-kumment sħiħ ta’ Prof Sammut:

Min-naħa tiegħu, il-Professur Andrew Azzopardi sostna li l-filmat għandu jibqa’ jintwera għaliex bis-saħħa tiegħu forsi tinbidel il-kultura ta’ nuqqas ta’ sigurtà, u f’ċertu sens dan il-ħaddiem ma jkunx miet għalxejn. Isma’ l-kumment sħiħ ta’ Prof Azzopardi:

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Ħaddiem imut wara li waqa’ 7 sulari f’Tas-Sliema