Knisja Maltija
Il-finanzi tal-Knisja f’Malta: Surplus is-sena l-oħra qed jagħmel tajjeb għall-impatt tal-Covid-19

Il-Knisja f’Malta qed tistma li minħabba l-pandemija tal-Covid-19, jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma mistennija tagħlaq din is-sena finanzjarja b’telf li jista’ jlaħħq it-€8 miljun. L-istima ngħatat mis-Segretarju Amminsitrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross, meta ppreżenta r-rendikont finanzjarju għas-sena l-oħra li fih il-knisja rreġistrat surplus ta’€3,500,000. Qal li s-surplus tas-sena l-oħra diġà mhux biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall-isfidi finanzjarji li ġabet il-pandemija u l-knisja kellha tirrikorri għal flus imġemmgħin fil-passat.

Il-Knisja f’Malta ppubblikat ir-rendikont finanzjarju għas-sena li għaddiet. L-Arċidjoċesi li tiġbor fiha aktar minn 100 entità u timpjega aktar minn 1,300 persuna rreġistrat bilanċ ta’ €3.5 miljun, imqabbel ma’ żbilanċ ta’ €137,000 is-sena ta’ qabel. Ir-rendikont juri li dan ir-riżultat hu dovut l-aktar għal dħul ta’ darba ta’ €2.4 miljun f’ishma li rċevew b’donazzjoni d-Dar tal-Providenza u l-Caritas.

Ir-riżultati finanzjarji għas-sena li għaddiet juru li l-Arċidjoċesi kellha żieda fid-dħul ta’ kważi €6 miljuni dovuti l-aktar għal żieda fil-qligħ kapitali fuq l-investimenti u żieda fid-dividend mill-Bank APS. Ġew reġistrati wkoll żidiet fid-dħul minn wirjiet u minn fondi pubbliċi fosthom fondi għal proġetti b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea. Mill-banda l-oħra, in-nefqa żdiedet b’€4.8 miljuni fosthom f’pagi u spejjeż tal-operat. Ir-rendikont juri wkoll li n-nefqa f’xogħol ta’ manutenzjoni, restawr u konservazzjoni żdiedet b’47%. L-Arċidjoċesi ħallset miljun u kważi 400,000 f’taxxa.

Din l-istampa pożittiva iżda mhix mistennija tirrepeti ruħha din is-sena, bis-Segretarju Amministrattiv tal-Knisja f’Malta, Michael Pace Ross, jgħid li kawża tal-pandemija tal-Covid-19 hemm pressjonijet kbar fuq il-finanzi tal-Knisja u appella għad-donazzjonijiet mingħand il-pubbliku biex il-knisja tkun tista’ ssostni l-ħidma li twettaq b’mod partikulari fil-pastorali u oqsma soċjali.

“Id-dħul kollu li kien hemm mill-Arċidjoċesi s-sena l-oħra ġie kollu wiped out mill-COVID-19 u pjuttost kellna nirrikorru għal surpluses tal-passat. Li qegħdin naħsbu li din is-sena xorta waħda m’aħniex se nnaqqsu mis-servizz pastorali tagħna u mill-missjoni tagħna anzi pjuttost qegħdin inżidu, l-infieq se jibqa’ għaddej, pero naturalment qegħdin nipproġettaw li jkollna dħul sostanzjali anqas minħabba l-pandemija,” qal is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross.

Semma bħala eżempji tnaqqis mid-dividend tal-bank APS minħabba rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tnaqqis fil-ġbir billi kien hemm tliet xhur mingħajr quddies fil-knejjes u l-attendenza issa għadha baxxa, u anqas donazzjonijiet lil entitajiet bħad-Dar tal-Providenza u s-Seminarju. Spjega li fl-istess waqt il-knisja kellha żżid is-sussidju lill-entitajiet tagħha u żiedet l-għajnuna lil individwi u familji fil-bżonn. Is-Sur Pace Ross għaraf għajnuna li ngħatat mill-gvern u faħħar lill-ħaddiema tal-Kurja u tat-tribunal li fiċ-ċirkustanzi qablu li jipposponu d-dħul fis-seħħ ta’ ftehim kollettiv ġdid.

Mistoqsi minn Television Malta għandux stima dwar din is-sena finanzjarja, Michael Pace Ross qal li bix-xejriet ta’ bħalissa jistma li t-telf sal-aħħar tas-sena se jkun fil-livell ta’ bejn €6m u €8m.

Donazzjonijiet b’risq il-ħidma tal-Arcidjocesi ta’ Malta jistgħu jsiru hawn: knisja.mt/donazzjonijiet

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar