Lokali
Il-Fond Soċjali Ewropew Plus – l-allokazzjoni għal Malta sal-2027: €125 miljun

Malta se tieħu €125 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew il-ġdid li ġie approvat mill-Parlament Ewropew din il-ġimgħa. In-negozjati għall-fond ta’ kważi €90 biljun li jitqassmu bejn l-istati membri fl-Unjoni Ewropea tmexxew mill-Ewroparlamentari Malti David Casa.

Il-Fond Soċjali Ewropew Plus għandu l-għan li jinvesti fin-nies u joħloq Ewropa aktar soċjali u inklussiva

Magħruf bħala l-Fond Soċjali Ewropew+, dan il-fond għandu €88 biljun li jridu jintużaw fuq medda ta’ seba’ snin u hu deskritt bħala l-akbar fond tal-investiment fin-nies mill-Unjoni Eweropea. Il-fond ġie approvat din il-ġimgħa mill-Parlament Ewropew, fejn in-negozjati tmexxew mill-Ewroparlamentari David Casa bħala rapporteur. Hu qal li s-sehem ta’ Malta mill-Fond Soċjali Ewropew Plus se jkun ta’ madwar €125 miljun.

“ESF+ li se jagħti appoġġ kbir lill-istati membri biex jindirizzaw il-kriżi li ġabet magħha l-pandemija, biex nindirizzaw il-qgħad, biex nagħtu protezzjoni għas-soċjetà ġusta u l-ħaddiema li lesti jadattaw għall-ekonomija ambjentali u diġitali. Se nimplimentaw il-prinċipju tal-pillastru Ewropew tad-drittijiet soċjali”, qal Casa.

F’konferenza tal-aħbarijiet virtwali, is-Sur Casa ħeġġeġ lill-Gvern Malti biex jagħmel l-aħjar użu minn dawn il-fondi. Semma li fil-passat dawn intużaw biex ngħataw tablets lit-tfal tal-iskola, għall-iskemi ta’ Jobplus, biex jinxtara ikel għal min hu vera batut, għat-taħriġ tal-ħaddiema, u għall-inizjattivi tal-Kunsilli Lokali fost oħrajn.

Spjega li kull stat membri jrid juża bilfors kwart tal-flus għall-inklużjoni soċjali, 3% għall-aktar nies fil-bżonn. Żied li l-istati membri, inkluż Malta, issa għandhom obbligu legali biex jindirizzaw il-faqar fost it-tfal.

L-ewroparlamentari esprima sodisfazzjon li l-Fond Soċjali Ewropew Plus ġie approvat mingħajr vot waqt is-sessjoni plenarja għax ma kien hemm l-ebda membru parlamentari li ressaq emenda għall-abbozz finali billi dan jirrifletti qbil mill-gruppi politiċi kollha tal-Parlament Ewropew.

Il-Fond Soċjali Ewropew jammonta għal madwar 10% tal-budget tal-Unjoni Ewropea.