Kultura
Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral tfakkar l-20 sena mit-twaqqif tagħha

Għoxrin sena ilu twaqqfet il-Fondazzjoni tal-Konkatidral – responsabbli mill-amministrazzjoni u l-proġetti ta’ restawr li jsiru fil-monument storiku ta’ żmien l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta.

Il-kuratur tal-Fondazzjoni Cynthia Degiorgio qalet lil TVM li l-Fondazzjoni serviet u qed tkompli b’ħidtmietha biex dan it-tempju maestuż iżomm il-preġju li jistħoqqlu.

Wara l-faċċata fortifikata b’disinn sempliċi Barokk hemm wieħed mill-iktar tempji spettakolari fl-Ewropa – il-Konkatidral ta’ Ġwann.

Mibni bejn l-1572 u tlesta ħames snin wara mill-Ordni ta’ San Ġwann bħala l-knisja konventwali tal-Ordni … sal-lum jibqa’ l-iktar post storiku mfittex minn min iżur pajjiżna.

It-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann 20 sena ilu fissret il-bidu ta’ ħajja ġdida għal din il-ġawhra arkitettonika u artistika fil-Belt Valletta, hekk kif stabilixxiet il-mod li bih għandu jiġi amministrat dan it-tempju maestuż.

Permezz tal-Fondazzjoni, magħmula nofs bin-nofs bejn Gvern u Knisja, il-Konkatidral seta’ jikseb fondi speċifiċi flimkien ma’ numru ta’ esperti li setgħu jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet fl-interess tal-Konkatidral u fil-ħin opportun.

Matul is-snin dan fisser bidla sinifikanti fid-dehra tal-Konkatidral.

Il-Kuratur tal-Konkatidral Cynthia Degiorgio qalet li l-Fondazzjoni ttrasformat dan il-monument storiku minn stat ta’ abbandun għal-livell ta’ konservazzjoni li jassigura l-preservazzjoni ta’ din il-gawhra nazzjonali.

“Dawn l-aħħar 20 sena saru proġetti ta’ restawr intensivi. Biżżejjed wieħed isemmi 2,000 metru kwadru ta’ deheb u induratura u l-‘carvings’ tal-ħitan tal-interjuri, il-kripta tal-Gran Mastri li hija l-akbar ‘cycle’ li għandna ta’ affresk u l-arrazi Flamini, jiġifieri 700 metru ta’ kwadru ta’ arazzi li kollha ġew rrestawrati”.

Il-Fondazzjoni, li hija responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Konkatidral bħala monument reliġjuż u kulturali, għadha għaddejja bi proġetti ta’ manteniment u restawr kif ukoll proġetti ġodda bħal dak tal-mużew tal-Konkatidral li jinab fl-ewwel fażi tiegħu.

“Dan il-mużew se jkun partikolari għax il-viżitatur jista’ jistudja u jagħraf lilu nnfisu bis-‘cycle’ kollu tal-perjodu Barokk … mill-bidu l-Caravaggio … sal-Arazzi ta’ Flamini …. sas-saqaf tal-Knisja li huwa ta’ Mattia Preti li jgħidulu l-‘late’ Barokk”.

Il-Fondazzjoni qiegħda timmarka l-20 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha bit-tnedija ta’ pubblikazzjoni dwar ir-restawr u konservazzjoni li sar fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Il-President tal-Fondazzjoni, Monsinjur Emmanuel Agius, qal li l-pubblikazzjoni turi u tiddokumenta l-legat tal-programm estensiv u komprensiv ta’ restawr u konservazzjoni.

Huwa żied jgħid li l-ktieb jagħti wkoll kredibilità lill-viżjoni tal-fundaturi tal-Fondazzjoni u jirrikonoxxi l-kisbiet tal-istituzzjoni.