Waqt il-Kafé
Il-fosos tal-qmuħ u l-folol

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Min jaf kemm-il darba morna hemm. Min imur meta jkun hemm xi meeting politiku, min imur għall-Isle of MTV jew għal xi kunċert kbir.

Meta nsemmu l-fosos, probabbli niftiehmu biss għall-wesgħa quddiem il-knisja tal-Furjana. Iżda mhux hemm biss hemm il-fosos. Fil-Furjana stess, hemm aktar fosos in-naħa tal-Kapuċċini, hemm oħrajn fuq naħa ta’ Triq Sant Anna, u kien hemm iktar sat-telgħa tal-Kurċifiss. Anki fil-Belt Valletta hemm il-fosos. Għadhom jeżistu dawk ta’ quddiem Sant Iermu u kien hemm aktar fuq Kastilja.

Dawn il-fosos kienu mħażen tal-qmuħ u ċerejali biex jekk is-swar tal-Belt u l-Furjana jkunu assedjati, ir-residenti u l-forzi militari jkollhom x’jieklu. Minbarra l-fosos kien sar l-akwedott biex ikunu fornuti bl-ilma, kien hemm imtieħen diversi madwar il-belt u anki fran kbar tal-Kavallieri fit-triq bl-istess isem. B’hekk, l-aktar ikel komuni, il-ħobż seta’ jibqa’ jsir b’faċilita f’kas ta’ assedju fuq il-Belt.

Il-fosos kollha nbnew mill-Kavallieri, minbarra dawk tal-pjazza ta’ quddiem il-knisja tal-Furjana. Dawn huma fosos iżgħar mill-oħrajn kollha u nbnew mill-Ingliżi. Fi żmien il-gwerra l-fosos kien ikollhom għassa stretta l-ħin kollu biex ħadd ma jittanta jisraq il-qamħ b’detriment għall-bqija tal-poplu bil-ġuħ. U kull meta kienu jimtlew il-fosos bil-qamħ, dejjem kellu xalata l-ħamiem inaqqar il-fdal li jaqa’ fl-art.

Din il-wesgħa fejn hemm il-fosos quddiem il-knisja parrokjali tal-Furjana hija l-akbar pjazza ta’ pajjiżna. Hemmhekk minn dejjem kien il-post fejn jinġabru l-akbar folol. Dak il-misraħ laqa’ Papiet, kantanti kbar, kunċerti internazzjonali ta’ fama, meetings politiċi u aktar. Fuq il-fosos saħansitra saru beati 3 Maltin: Dun Ġorġ Preca, Adeodata Pisani u Nazju Falzon minn idejn Papa Ġwanni Pawlu II. Dan l-aħħar hemmhekk qiegħed isir ukoll il-festival nazzjonali tan-nar mekkanizzat lejlet il-festa ta’ San Publju.

Għall-Furjaniżi l-pjazza tal-fosos mhix biss il-misraħ ta’ quddiem il-knisja. Imma hija l-fetħa fejn jiltaqgħu. Profs. Oliver Friggieri jsejjaħ lill-Fosos bħala l-air conditioner tal-Furjana. Hemmhekk il-post fejn fis-sajf il-Furjaniżi joħorġu għall-frisk jgħidu kelma, naturalment qabel aktar mil-lum għax fl-imgħoddi ħadd ma kellu air conditioner id-dar. U kien hemm min jikkapparra l-fossa wkoll. Jekk jiġu filgħaxija biex jgħaddu l-ħin hemmhekk jgħidu kelma u jsibu li xi ħadd ħadilhom il-fossa li s-soltu jpoġġu fuqha, jieħdu fastidju.

Insomma l-Fosos tal-Furjana hija l-pjazza għal kull staġun. Fiha n-nies marru għall-frisk u marru wkoll biex il-politiċi jsaħħnulhom rashom. Fiha n-nies marru biex jitolbu mal-Papa u l-beati u marru wkoll jaraw shows profani. Fiha kien jinħażen l-ikel minħabba l-gwerra u hemm saru wkoll manifestazzjonijiet għall-paċi.

Jekk il-kelma “fosos” nużawha wkoll għall-ħaġar prezzjuż, daqstant ieħor din il-pjazza hija prezzjuża għal Malta għax tfakkarna fi ġrajjiet kbar.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Il-Pulizija qed jinvestigaw is-sejba ta’ kadavru ta’ mara li kienet ilha mejta 3 xhur. TVM huwa infurmat li l-mara hija Ingliża ta’ 69 sena li nstabet mgħottija bil-kutri fis-sodda fi stat…

Saħħa

Bħalissa f’Malta hawn madwar 7,000 persuna li qed tbati mid-dimenzja, din mistennija titla’ għal 13,000 sas-sena 2050. Fl-ewwel konferenza nazzjonali tad-dimenzja, ġiet diskussa din il-marda, kif tolqot lil ta’ madwarha,…

Lokali

Skont il-Perit Carmel Cacopardo, ir-riżenja ta’ Arnold Cassola mill-Alternattiva Demokratika fuq l-abort hija biss skuża. Intervistat fuq il-programm ta’ Television Malta Ras imb ras, il-Perit Cacopardo qal li hu kien…

Aktar