Barranin
Il-Franċiża Saint Laurent se twaqqaf l-użu tal-ġlud tal-annimali

Il-kumpanija tal-moda ġganteska Franċiża Saint Laurent ħabbret li mis-sena d-dieħla se tkun qed tieqaf tfassal ħwejjeġ magħmula mill-ġlud tal-annimali.

Dan tħabbar mill-kumpanija Kering li tmexxi din id-ditta prestiġġjuża fil-qasam tal-moda. Ħabbret ukoll li anke l-marka Brioni se twaqqaf l-użu tal-ġlud mill-kollezzjonijiet tagħha fil-ħarifa tal-2022.

Il-Kap Eżekuttiv Francios-Henri Pinault qal li d-dinja nbidlet u din il-bidla kienet meħtieġa.

Il-Peta, organizzazzjoni favur il-jeddijiet tal-annimali laqgħet din id-deċiżjoni. Qalet li kienet ilha għexieren ta’ snin timbotta lil Kering biex iwaqqfu l-użu tal-ġlud tal-annimali.

Il-Peta qalet li ebda persuna b’qalb ma tilbes ħwejjeġ magħmula minn ġlud tal-annimali u l-istess disinjaturi li għandhom is-sens tal-mess. Hija sejħet bħala imbarazzanti dawk il-kumpaniji li għandhom ibiegħu dawn ix-xorta ta’ ħwejjeġ.

Saint Laurent u Brioni kienu l-aħħar marki ta’ Kering li waqqfu l-użu tal-ġlud. Gucci, Balenciaga, Bottega Venata u Alexander McQueen waqqfu kollha kemm huma l-użu tal-ġlud.

Is-Sur Pinault qal li l-grupp minn dejjem wera r-rieda li jtejjeb il-prattiċi tiegħu fis-settur u kien wasal iż-żmien biex jagħmlu l-pass li jmiss u jtemmu darba għal dejjem l-użu tal-ġlud mill-kollezzjonijiet kollha tagħhom.