Il-Front tal-ODZ isejjaħ lill-PL iħassar il-ftehim mas-sidien tal-kmamar tal-Armier

Front Ħarsien ODZ sejjaħ lill-Partit Laburista biex iħassar il-ftehim tiegħu mas-sidien tal-kmamar tal-Armier.

Fi stqarrija, il-Front qal li laqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista li l-partit tiegħu m’għadux marbut bi ftehim li sar qabel l-elezzjoni mas-sidien tal-bouthouses li nbnew fuq art pubblika fl-Armier.

Il-Front qal li l-ftehim li saru miż-żewġ partiti ewlenin qabel l-elezzjonijiet tal-2003 u l-2008 huma kapitlu ikrah fl-istorja politika ta’ pajjiżna li skont il-Front ra lill-partiti l-kbar isiru kompliċi mas-serq tal-art pubblika.

Il-Front wera s-sodisfazzjoni tiegħu li l-PN m’għadux marbut ma’ ftehim li permezz tiegħu 230 tomna ta’ art publika kienu se jingħataw lill-Armier Developments Limited għal 65 sena għal kirja ta’ Lm157,000 (€350,000) fis-sena. Il-Front jinnota wkoll li l-Alternattiva Demokratika kienet dejjem konsistenti kontra l-okkupazzjoni ta’art pubblika fl-Armier u qatt ma laħqet xi ftehim ma’ min seraq l-art publika.

Il-Front żied jgħid li huwa tal-mistħija li l-PL għadu marbut bi ftehim li sar qabel l-elezzjoni tal-2013 li permezz tiegħu tenna ftehim li sar fl-2002 li permezz tiegħ wiegħed li jerġgħ jinbnew il-kmamar minn kumpanija li tirrappreżenta s-sidien tal-kmamar illegali b’mod li ma jħallix spekulazzjoni u teħid ta’ art agrikola.

Il-Front qal li d-deċiżjoni tal-PN li jħassar kull ftehim li sar fil-passat mas-sidien tal-kmamar illegali hi l-ewwel pass għal soluzzjoni dejjiema.

Temm jgħid li l-pajjiz jeħtieg konsensus nazzjonali msejjes fuq ftehim bejn il-partiti politiċi u s-soċjeta ċivili li permezz tiegħu l-art tingħata lura lill-publiku u sit jiġi riabilitata bħala spazju miftuħ u pubbliku li ‘ jitgawda minn kulħadd. B’hekk qal li l-ebda partit ma jkun jista’ jagħmel kapital politiku billi jappoġja l-pretensjonijiet tas-sidien tal-kmamar illegali.