Barranin
Il-ftehim għal Brexit intlaħaq – se jiġi approvat mill-Parlament Ingliż?

Il-ftehim li jirregola ċerti arranġamenti speċjali dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea kien approvat waqt summit fi Brussell li għalih attendew il-kapijiet ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea.

In-negozjatur tal-Unjoni Ewropea fuq Brexit, Michel Barnier, qal li l-ftehim jipprovdi ċertezza dwar l-oqsma li se jiġu affetwati minn Brexit.

Huwa qal li l-akbar bidla fil-ftehim il-ġdid hija dwar il-kwistjoni tal-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda.

Is-Sur Barnier qal li l-Irlanda ta’ Fuq, bħala parti mir-Renju Unit, m’hijiex se tkun ikkunsidrata bħala parti mill-Unjoni Ewropea, iżda se jkollha arranġament speċjali fuq il-merkanzija li taqsam il-fruntiera mir-Repubblika Irlandiża.

Viżibbilment kuntent, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li dal-ftehim se jsarraf f’ġid għar-Renju Unit u għall-Unjoni Ewropea.

Fir-Renju Unit, kien hemm reazzjoni imħallta għal dan il-ftehim, meta f’dan l-istadju għad fadal vot ieħor kruċjali; is-Sibt li ġej mill-Parlament Ingliż.

Ara wkoll:

ARA: X’qal il-Prim Ministru dwar il-ftehim milħuq bejn ir-Renju Unit u l-UE?