Lokali
Il-ftehim mal-Libja u r-ritorn ta’ immigranti f’pajjiżhom iwasslu għal tnaqqis fil-wasliet

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u infurzar tal-liġi Byron Camilleri qal li l-wasliet ta’ immigrant irregolari f’Malta din is-sena naqsu b’81 u b’73 fil-mija meta mqabbla mal-2019 u l-2020.

Il-Ministru Camilleri qal dan fil-Kamra tad-Deputati li ddiskutiet l-estmi finanzjarji tal-minisiteru tiegħu. Huwa qal li dan ġara permezz ta’ koperazzjoni mal-gwardjani tal-kosta Libjani skont ftehim iffirmat mal-Gvern Libjan biex it-traffikanti tal-bnedmin jitwaqqfu fil-Libja stess. Huwa qal li dan kien ukoll riżultat li Malta bagħtet lura f’pajjiżhom għadd ta’ immigranti li ma jikkwalifikawx għall-ażil. Huwa qal li dan kien rifless fil-wasliet bil-baħar lejn Malta fejn naqas drastikament l-għadd ta’ persuni minn ċertu pajjiżi.

Meta tkellem dwar is-servizzi korrettivi, il-Minsitru tal-Intern qal li fl-aħħar sentejn iddaħħlu professjonisti li qed jgħinu fir-rijabilitazzjoni tal-priġunieri. Qal li għall-ewwel darba se jkun hemm ċentru li jospita 140 priġunier li jkunu qed jiġu rijabilitati. Qed isiru taħditiet dwar l-operat ta’ dan iċ-ċentru. Se jiddaħħal ukoll it-tagging elettroniku biex il-ħabs jinbidel f’wieħed li jinħtieġ inqas sigurtà.

Huwa qal ukoll illi fl-ewwel 3 xhur li ilha mwaqqfa, l-Aġenzija għas-servizz lill-vittmi tal-kriminalità għenet lil 300 vittma.

Huwa qal li l-aġenzija se tifrex il-ħidma tagħha f’diversi lokalitajiet.

Il-Minsitru Camilleri tkellem dwar iż-żieda kbira fl-investiment ta’ riżors uman u teknoloġija lill-korpi dixxiplinati u fl-għoti ta’ drittijiet, pagi u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Is-Segretaqrju Parlamentari fl-istess ministeru Alex Muscat qal li rapport tal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew semma’ lil Malta bħala pajjiż mudell fejn jidħlu l-proċessi użati u l-eżami rigoruż ta’ diliġenza li jsir lill-applikanti li jagħmlu lil Malta bħala r-residenza permanenti tagħhom. Huwa qal li l-Kummissjoni Ewropeja qed taċċetta bil-miktub li huwa legalment diffiċli li tiddeċiedi hi dwar ċittadinanza u residenza fil-pajjiż Ewropej. Huwa qal li l-istess rapport jipproponi li l-migrazzjoni fl-Ewropa tkun regolata.

Is-Segretarju Parlamentari Muscat qal ukoll li Malta wieġbet lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-programmi ġodda ta’ residenza u hemm diskussjonijiet miftuħa dwar il-futur. Huwa wera sodisfazzjon li l-Oppożizzjoni issa qed taqbel mal-programm ta’ residenza.

Il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar l-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-infruzar tal-liġi Beppe Fenech Adami qal li l-Korp tal-Pulziija huwa demoralizzat u huwa nieqes mir-riżorsi umani meħtieġa. Qal li f’sena u tmien xhur telqu 311-il persuna mill-korp u daħlu 109 rekluti ġodda.

Huwa qal li taħt gvern Nazzjonalista tispiċċa l-impunità fil-pajjiż u jagħmel ġustizzja ma’ dawk li ġew diskriminati.

L-avukat Fenech Adami qal li l-gvern huwa xħiħ mal-Pulizija u nefaq nofs miljun ewro inqas fuq sahra u extra duty lill-Pulizija. Huwa kkritika l-għeluq ta’ għases u qal li fl-ewwel tmien xhur tas-sena saru 2,977 serqa.

Id-deptuat Nazzjonalsita allega li fil-ħabs hemm kultura ta’ moħqrija u semma’ li tlettax-il persuna hemmhekk tilfu ħajjithom fl-aħħar sentejn.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-iffullar fil-ħabs u sostna li għandhom isiru riformi minkejja li hemm nies li qatt ma jirriformaw ruħhom. Huwa sostna li l-priġunieri barranin għandhom jintbagħtu lura pajjiżhom.

L-avukat Fenech Adami qal li fil-forzi armati gvern Nazzjonalista jagħmel ġustizzja ma’ dawk li nqabżu fil-promozzjonijiet li ngħataw. Huwa saħaq li għandha tingħata informazzjoni dwar dawk l-immigranti li ntbagħtu lura pajjiżhom.

Id-deputt Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Oppożizzjoni hija favur il-programm ta’ residenza iżda staqsa x’wieġeb il-gvern Malti lill-Kummissjoni Ewropea wara li din tat avviż li se tiftaħ proċeduri legali kontra Malta dwar dan il-programm.