Safar
Il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport huwa pass fid-direzzjoni t-tajba – MHRA

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-lukandi u r-ristoranti (MHRA) laqgħet id-deċiżjoni tal-Gvern li jiftaħ mill-ġdid l-ajruport għalkemm tibqa’ żżomm mal-pożizzjoni tagħha li kien ikun aħjar għas-settur turistiku li kieku l-ajruport jiftaħ fil-15 ta’ Ġunju.

Dan filwaqt li lbieraħ il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ħabbret li l-Maltin se jkunu jistgħu jsiefru lejn 19-il destinazzjoni.

Fi stqarrija, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li fiċ-ċirkostanzi, iż-żmien huwa essenzjali iżda issa li l-Gvern ħa d-deċiżjoni, is-settur turistiku jeħtieġ li jsaħħaħ l-isforzi u l-operat biex iqajjem l-ekonomija.

Żied li l-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport u tal-portijiet mhux se jwasslu awtomatikament għall-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ qabel faqqgħet il-pandemija.

Is-Sur Zahra saħaq li l-lukandi u r-ristoranti għad għandhom bżonn l-appoġġ tal-Gvern biex isostnu l-ispejjeż tan-negozju tagħhom sakemm is-swieq jirreaġixxu għar-realtà ekonomika ġdida.

Żied li l-ġimgħat li ġejjin se joffru sfidi u se jkollhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar ristrutturar sabiex ikunu protetti l-impjiegi u s-sostenibilità tal-immaniġjar tal-operat.

L-MHRA qalet li se tkompli taħdem mal-istakehoders kollha sabiex tassigura li Malta tkun reklamata bħala destinazzjoni sigura u fejn wieħed jieħu gost.

Sadanittant, waqt il-programm Insights fuq TVM, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-Maltin se jkunu jistgħu jsiefru lejn 19-il pajiż meta l-ajruport ta’ Malta jerġa’ jinfetaħ għat-titjiriet normali mill-1 ta’ Lulju.

Hija qalet li se jkun hemm miżuri ta’ mitigazzjoni, kemm fis-swali tat-tluq u anki tal-wasliet, fejn fost oħrajn se jittieħdu t-temperaturi tal-passiġġieri u jintlibsu l-maskri waqt it-titjiriet.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Baqgħu 7 l-każi attivi ta’ coronavirus f’Malta wara li fl-aħħar 24 siegħa minn 742 swab test, ma nstab l-ebda każ ġdid. Fl-aħħar 24 siegħa, ma ġie dikjarat lanqas ħadd aktar…

Lokali

Il-Kummissarju għall-Anzjani Dr Mary Vella ppreżentat ir-rapport ta’ ħidma tal-Kummissjoni lis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis. F’dan ir-rapport annwali l-Kummissjoni indikat li tul is-sena 2019 saret ħidma…

Immigrazzjoni

Kmieni dalgħodu 25 immigrant iddaħlu Malta wara li ġew salvati mill-Forzi Armati waqt li kienu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta. tvm.com.mt jinsab infurmat li fost l-immigranti hemm 16-il…

Ekonomija u Finanzi

Malta baqgħet fil-klassifika tal-pajjiżi A+ fir-rapport li għadha kemm ippubblikat Fitch Ratings. Din l-aġenżija internazzjonali ikkonfermat li l-prospetti għar-rating ta’ pajjiżna baqgħu stabbli minkejja l-impatt negattiv tal-pandemija li madwar id-dinja…

Aktar