Lokali
Il-ftuħ tal-iskejjel jiddependi mill-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa – PM

Dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, il-Prim Ministru Robert Abela qal li d-deċiżjoni finali se tittieħed skont il-pariri xjentifiċi tal-awtoritajiet tas-saħħa.

“Id-deċiżjoni finali jinfetħux l-iskejjel b’mod vijabbli jew le tibqa’ waħda li se tkun dipendenti ferm fuq dak li jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa bl-istess mod li fit-12 ta’ Marzu l-Awtorità tas-Saħħa għalqet l-iskejjel tagħna, bl-istess mod l-iskejjel tagħna se jkunu jistgħu jinfetħu jekk l-Awtorità tas-Saħħa tara li hemm protokoll li jista’ jwassal biex l-iskejjel jiftħu b’mod vijabbli. Naturalment wieħed irid jifhem l-impatt li se jkun hemm fuq l-iżvilupp soċjali u edukattiv tat-tfal tagħna, l-impatt negattiv li hu irriversibbli jekk ma jinfetħux l-iskejjel. Prijorità tibqa’ l-edukazzjoni, is-saħħa tat-tfal tagħna u kif se nikkombinaw dawn flimkien” qal il-Prim Ministru.

L-istess qal dwar l-attivitajiet tal-massa, il-Prim Ministru qal li jekk isirux dawn l-attivitajiet jiddependi mill-pariri tal-Awtorità tas-Saħħa u kif tiżvolġi s-sitwazzjoni medika.

Waqt laqgħa tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Abela qal li l-iskemi tas-suppliment tal-paga u tal-vouchers se jiġu estiżi sal-aħħar t’Ottubru. Spjega li mbagħad l-Gvern se jkun qed iħabbar il-budget għas-sena d-dieħla. Spjega li fost affarijiet oħra dan il-budget se jkollu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għixien tal-pensjonanti u tal-familji bi dħul baxx.

Waqt li kien mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru spjega li “il-vouchers estendejnihom sal-aħħar t’Ottubru, il-wage supplement estendejnih sal-aħħar t’Ottubru fil-format kif inhu llum. Wara Ottubru jkunu jistgħu jsiru r-reviżjonijiet li huma meħtieġa fil-wage supplement imma mkien m’għedt biss sal-aħħar t’Ottubru imma huwa kruċjali biex inżommu tant nies milli jitilfu l-impjieg tagħhom.”.

F’għadd ta’ domandi oħra, Dr Abela ġie mistoqsi dwar il-każ ta’ Miriam Pace li mietet wara li ntradmet taħt darha stess. Dr Abela qal li hemm arranġament bejnu u l-familja Pace biex jagħmlu kuntatt miegħu. Qal li huwa se jibqa’ disponibbli għalihom u jifhem is-sitwazzjoni diffiċli tagħhom. Dwar ir-rapport li kellu jsir qal li dan ingħalaq u għadda sabiex jiġi trasformat f’liġijiet. Spjega li sal-bieraħ l-abbozz ta’ liġijiet ġie mgħoddi lill-Kamra tal-Periti u għada hemm laqgħa bejn il-Ministru konċernat u l-istakeholders. Qal li l-għan huwa li dan ix-xahar jiġi approvat l-abbozz ta’ liġijiet u jitressaq quddiem il-Parlament la jiftaħ mill-vaganzi tas-sajf.

Mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat wara l-affarijiet li ħarġu fil-Qorti b’rabta mal-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Dr Abela qal li Dr Muscat ma jokkupa ebda irwol fi ħdan il-Gvern u huwa Membru Parlamentari kif elett mill-poplu. Qal li Dr Muscat qatt ma kien jokkuppa konsulenzi la miegħu u lanqas mal-Gvern. Dr Abela kompla jgħid li Dr Muscat mhux qed jiġi investigat dwar ebda reat. Qal li huwa qed isegwi l-każ u jieħu deċiżjonijiet jekk ikun hemm żviliuppi. Sostna li kull meta kien hemm bżonn li jittieħdu d-deċiżjonijiet, anke jekk kienu diffiċli, huwa ħadhom fl-interess tal-pajjiż.

Intant dwar l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru qal li wara li skada t-terminu, intalab mill-bord tal-inkjesta biex jiġi estiż iż-żmien. Qal li huwa estendih għal darba biss sal-15 ta’ Diċembru u li hemm biżżejjed żmien biex tinstema’ x-xhieda relevanti u biex il-bord jgħaddi r-rapport.