Qasam soċjali
Il-Fun Run ta’ din is-sena se ssir f’kull lokalità minflok tieqaf il-Belt

Jitħabbru d-dettalji tal-Fun Run 2021 li l-ondazzjoni Malta Community Chest Fund se torganizza nhar il-Ħadd 21 ta’ Novembru.

Għall-ewwel darba f’kemm ilha tiġi organizzata l-Fun Run mhijiex se tintemm il-Belt iżda se tiġi organizzata f’kull belt u raħal.

Madanakollu xorta waħda se żżomm l-appuntament annwali fuq l-istazzjon nazzjonali billi se tixxandar b’mod dirett fl-10.00 a.m. u fuq TVMnews+

Fun Run b’differenza. Issir f’kull lokalità f’Malta u Għawdex minflok kulħadd jinġabar il-Belt fi tmiemha.

Ħabbar dan il-President ta’ Malta George Vella f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar il-format differenti għall-Fun Run 2021.

Huwa qal li dan il-format huwa addattat skont il-miżuri tad-distanza soċjali.

B’Jum l-Istrina anqas minn xahrejn bogħod, il-fondazzjoni Malta Community Chest Fund bdiet tħejji t-triq lejn l-attività ewlenija ta’ tmiem is-sena u li tkun qed tkompli tiġbor iktar fondi għal min iħabbat il-bieb tagħha.

Kull lokalità se tkun qed torganizza Fun Run fi gruppi ta’ mhux iktar minn 100 persuna b’kull min japplika jrid juri ċ-ċertifikat tat-tilqima kontra l-Covid.

Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, qal lil Television Malta li ta’ din is-sena se tkun Fun Run b’differenza u sfida ġdida.

“L-attività tal-21 ta Novembru għandha pjani ta’ kontinġenza għal kollox fosthom l-ewwel ħaġa li għamilna bħala prijorità hija li nżommu mal protokolli tal-isports li ovvjament id-Dipartiment tal Public Health ħareġ … fl-eventwalità li jkunu aktar minn 100 aħna se jkollna ħinijiet differenti madwar kwarta bejn grupp sa grupp u nibqgħu għaddejjin bl-attività”.

Il-President George Vella jinsab fiduċjuż li għal darb oħra din se tkun ġurnata fejn il-poplu Malta se jingħaqad.

Huwa qal li għalkemm il-qofol tas-sena jintlaħaq bl-Istrina, ir-rankatura trid tinżamm matul is-sena kollha biex il-fondazzjoni Malta Community Chest Fund tkun tista’ żżomm il-pass mat-talbiet li jsirulha.

Huwa qal li din is-sena l-pandemija ġabet l-isfidi tagħha mhux lanqas lill-fondazzjoni biex tkompli bil-ġbir tagħha.

“L-Istrina mhijiex l-unika ġurnata matul is sena kollha … jiena nixtieq li jkun hemm min irawwem, jieħu d-drawwa li kontribuzzjoni kultant lill-Community Chest Fund tgħin għax l-ispejjeż ma jiġux darba fis-sena imma matul is-sena kollha. Sfortunatament it-talbiet qegħdin jiżdiedu u l-ispejjeż qegħdin jiżdiedu għax mhux tant it-talbiet imma l-ispejjeż għax il-mediċini li tagħmel tajjeb għalihom il-Community Chest Fund il-prezzijiet tagħhom huma stratosferiċi, huma enormi għax huma mediċini ġodda li għandhom ħafna riċerka warajhom, jiġu preskritti mill-onkoloġisti u ha nagħmlu minn kollox biex fejn ma jasalx il-Gvern nagħtuhomlhom aħna”.

Il-President Vella radd ħajr lil kull min jagħti l-għajnuna tiegħu u jieħu sehem fl-attivitajiet li torganizza l-fondazzjoni Malta Community Chest Fund u appella biex kulħadd jingħaqad u jieħu sehem fil-Fun Run b’sens ta’ solidarjetà lejn min għandu bżonn.

Huwa qal li l-iskop ta’ dawn l-attivitajiet huwa biex is-soċjetà tiżra l-valur tas-solidarjetà li minnha jgawdi kulħadd.

Il-Fun Run se tkun qed tixxandar dirett fuq TVM News Plus.