Lokali
Il-funeral tal-Gran Mastru Festing se jsir fit-3 ta’ Diċembru

Il-funeral ta’ Fra Matthew Festing, id-79 Gran Mastru tal-Ordni Sovran ta’ Malta, se jiġi ċċelebrat il-Ġimgħa, 3 ta’ Diċembru fis-2:00 pm fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Fi stqarrija ppubblikata fuq is-sit tal-Ordni Sovran ta’ Malta tħabbar li l-Quddiesa tal-funeral se tiġi ċċelebrata mill-Kardinal Silvano Maria Tomasi, id-Delegat Speċjali tal-Papa għall-Ordni ta’ Malta u kkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Jude Scicluna.

Għaċ-ċerimonja ser jattendi l-Logutenent tal-Gran Mastru, Fra Marco Luzzago.

Fra Matthew Festing miet f’Malta fit-12 ta’ Novembru li għadda fl-għomor ta’ 71 sena.

Kif żvela tvm.com.mt, il-Gran Mastru Festing se jindifen fil-“Kripta tal-Gran Mastri” fil-konkatidral ta’ San Ġwann.

Dakinhar tal-funeral, il-bnadar tal-Ordni Sovran ta’ Malta se jittajru mezz’asta fuq il-binjiet tal-istituzzjonijiet u xogħlijiet tal-Ordni madwar id-dinja.

Il-Gran Mastru Festing se jindifen fil-kripta tal-Gran Mastri fil-Konkatidral ta’ San Ġwann