Lokali
‘Il fuq minn elf persuna japplikaw biex jiksbu liċenzja ħalli jtajru drone

Transport Malta ħarġet l-ewwel liċenzji għal operaturi ta’ drones, wara li aktar minn elf persuna applikaw biex jiksbu liċenzja li mill-bidu ta’ din is-sena saret obbligatorja. Hemm żewġ kartegoriji ta’ liċenzji, b’kull drone issa jrid jiġi reġistrat mal-awtorità u jird ikun assigurat.

Dan wara li mill-ewwel ta’ Jannar, Malta kellha tibda ssegwi regoli ġodda tal-aġenzija ewropea tal-avjazzjoni biex dan is-settur ikun regolat.

Mill-bidu ta’ din is-sena, daħal l-obbligu ta’ liċenzja għal min itajjar drone. L-ispeċjalista fil-qasam tal-avjazzjoni, Analiza Abdilla, spjegat li jinħarġu żewġ kategoriji ta’ liċenzji: waħda avvanzata u oħra ġenerali, li għaliha wieħed irid isegwi taħriġ online fuq is-sit tal-awtorità u wara jagħmel eżami.

Apparti li l-operatur irid ikun liċenzjat, kull drone irid jiġi reġistrat ma’ Transport Malta, bin-numru ta’ reġistrazzjoni jitwaħħal mad-drone. Dr Abdilla qalet li uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta qed jagħmlu spezzjonijiet, u jistgħu jordnaw lill-operatur iniżżel id-drone biex jiċċekkjaw li għandu kollox regolari. F’każ ta’ irregolaritajiet, il-penali jvarjaw minn multa li tista’ titla’ għal eluf ta’ ewro sa proċeduri kriminali fil-qorti.

Biex ittajjar drone trid ukoll polza tal-assikurazzjoni. L-uffiċjal ta’ Transport Malta għarfet li bħalissa hemm problema għall-ħruġ ta’ dawn il-poloz ta’ assikurazzjoni billi l-kumpanija ewlenija li tkopri d-drones hi bbażata fl-Ingilterra u għad hemm xi pendenzi minħabba Brexit. Dr Abdilla qalet li għalissa, is-sid tad-drone qed jintalab jiddikjara li se jtella l-polza tal-assikurazzjoni online ladarba dawn jerġgħu jibdew jinħarġu.

Dr Abdilla qalet li qabel kull titjira, l-operatur irid japplika online ma’ Transport Malta u jiddikjara d-drone hux se jintuża għal skop kummerċjali jew ta’ rikreazzjoni.L-operatur irid jispecifika wkoll l-ġurnata meta se jttajjar id-drone, il-ħin u l-lokalità.

“Din turi wkoll mappa ta’ Malta li hemm ċertu restricted zones fiha biex tara li se ttajjar id-drone f’area li mhux restritta. Jekk ikun hemm bżonn ta’ każ partikolari li ttajjar drone f’restricted area, l-awtorizzazzjoni ma toħrogx awtomatrikament mis-sistema. Irridu nevalwaw.”

L-uffiċjal ta’ Transport Malta qalet li f’każ li wieħed ikun se jtajjar drone fuq propjetà privata, irid jippreżenta l-permess minn sid il-propjetà biex ikun jista jsir dan. Television Malta talabha tispeċifika aktar dwar dan minħabba l-isfida taċ-ċokon tal-art f’Malta.

“Jekk trid ttajjar drone ma tistax ttajjar fuq il propjetà tan-nies. Trid ittajru mit-triq. Imbagħad hemm l-issue tad-data protection. Apparti r-regola tal-EASA, ħafna mid-drones għandhom kamera u hemm il-general data protection regulation li għandha importanza li trid tħares il-privatezza tan-nies.”

Hemm ukoll żoni fejn mhux permess li jsir titjir.

“Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, sptarijiet, l-iktar importanti għas-sigurtà – airport area, xi ambaxxati minħabba sigurtà, nature reserves.”

Drone ma jistax jittajjar fuq folol, fosthom f’attivitajiet tal-massa bħal festi u kunċerti, b’Dr Abdilla qalet li anke meta jkun hemm talba għal permess biex isir dan jesiġu li d-drone jittajjar minn distanza ‘l bogħod minn fejn hemm ġemgħa ta’ nies.”