Unjoni Ewropea
Il-Futur tal-Unjoni Ewropea

Spiss jingħad li l-Unjoni Ewropea tinsab f’salib it-toroq, hekk kif f’dawn l-aħħar snin u xhur kienet qiegħda tiffaċċja diversi sfidi, uħud minnhom mhux żgħar. Dawn l-isfidi ħtieġu mumenti ta’ riflessjoni qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet li se jaffettwaw il-futur tal-Unjoni.

Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar min se jieħu f’idejh it-tmexxija ta’ tlieta mill-aktar istituzzjonijiet importanti tal-Unjoni Ewropea: il-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, l-Unjoni qed tkompli tiffaċċja teħid ta’ deċiżjonijiet rigward temi varji, fosthom il-Brexit, l-immigrazzjoni, it-tibdil fil-klima, il-baġit għall-perjodu 2021-2027, iż-żona Ewro u l-kompetittività teknoloġika.

Is-Summit tan-Nofsinhar tal-UE

Matul dan is-summit li sar f’Malta fl-14 ta’ Ġunju, il-mexxejja ta’ seba’ Stati Membri fin-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea (Malta, il-Portugall, Spanja, Franza, l-Italja, il-Greċja u Ċipru) iltaqgħu sabiex jiddiskutu bosta minn dawn it-temi, filwaqt li jfittxu soluzzjonijiet b’perspettiva Mediterranja.

Fid-dikjarazzjoni tagħhom wara s-Summit, il-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi stqarrew li l-Unjoni għandha tkun magħquda issa iktar minn qatt qabel, u li l-istat tad-dritt, l-libertà, id-demokrazija, il-ħarsien tad-drittijiet umani u s- solidarjetà, għandhom jiffurmaw parti sostanzjali mill-Aġenda Strateġika tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin.

Il-mexxejja tkellmu wkoll dwar l-importanza tar-ruħ soċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-importanza li tiggarantixxi sigurtà għaċ-ċittadini tagħha. Il-mexxejja sejħu wkoll għal aktar sigurtà fejn tidħol iż-żona Ewro, hekk kif l-Unjoni għandha tkompli tixpruna s-saħħa ta’ din il-munita sabiex verament tikkompeti globalment.

Naturalment, l-immigrazzjoni kienet tema oħra diskussa matul is-Summit, u fid-dikjarazzjoni, il-mexxejja saħqu dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea tikkontrolla b’mod aktar għaqli l-fruntieri tagħha.

B’referenza għal dawn it-temi u oħrajn, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li minkejja li wieħed jista’ jindirizza dawn l-isfidi b’modi differenti, l-importanti hu li jinstabu s-soluzzjonijiet.

Il-Laqgħa tal-Kunsill Ewropew

It-temi li ġew diskussi fis-Summit li sar f’Malta, se jkomplu jiġu diskussi bejn il-mexxejja kollha tal-Istati Membri fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, li se ssir fil-jumejn li ġejjin (20-21 ta’ Ġunju). Matul din il-laqgħa, li ġeneralment issir tal-inqas darbtejn kull sitt xhur, il-mexxejja tal-Gvernijiet jew Kapijiet ta’ Stat tal-Istati Membri jiltaqgħu biex jiddiskutu kemm il-qagħda preżenti, u kif ukoll il-futur tal-Unjoni.

Fil-laqgħa li jmiss hu mistenni li jkunu diskussi temi bħall-baġit tal-Unjoni Ewropea, it-tibdil fil-klima u s-Semestru Ewropew. Però, bla dubju ta’ xejn, id-diskussjoni dwar l-Aġenda Strateġika 2019-2024 tal-Unjoni Ewropea se tkun il-qofol tal-laqgħa. L-importanza ta’ din l-Aġenda hi marbuta mal-fatt li, skont it-Trattati, il-Kunsill Ewropew “jiddetermina d-direzzjoni politika ġenerali u l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea”.

Minkejja l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea, il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew se tkun importanti ħafna biex b’rieda tajba mill-mexxejja kollha, b’pożittività u ottimiżmu għall-futur, jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex l-Unjoni Ewropea tisfrutta dan il-mument għall-ġid tal-futur tagħha.

Aktar informazzjoni dwar is-Summit tal-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea u dwar is-Summit tal-Kunsill Ewropew.

Tagħrif miġbur minn:

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar Ivan Tabone, Matthew Pace u Mariello Spiteri rriżenjaw mill-karigi tagħhom fi ħdan l-awtorità. Dan qalu l-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg fejn qal li fl-aħħar ġranet irċieva t-3 ittri ta’…

Kronaka

Uffiċjali tal-ERA dalgħodu sabu għadd ta’ taħżiż mal-faċċata tal-binja fejn jaħdmu. Fi stqarrija uffiċjali, l-ERA qalet li tikkundanna bla riżervi l-attakk vandalu li sar fuq il-bini tal-istess Awtorità fil-Marsa. Dan…

Avjazzjoni

Għadd ta’ passiġġiera, fosthom iktar minn 60 tifel li huma players tal-football, baqgħu l-art hekk kif it-titjira tagħhom lejn id-Danimarka tħassret. L-istorja jidher li reġgħet irrepetiet ruħha hekk kif għat-tieni…

Annimali

Għawwiema li dalgħodu kienu f’Wied iż-Żurrieq baqgħu mbellħa meta raw sajjieda jniżżlu l-art ħuta kbira. Id-dgħajsa tas-sajd daħlet mal-moll, u erba’ rġiel niżlu minnha jġorru ħuta kbira, li dehret tixbah…

Aktar