Il-gallariji Maltin jikkumplimentaw l-istil ta’ għajxien f’Malta

Il-gallariji Maltin jagħtu karattru distintiv lil żoni urbani. Matul is-snin il-gallariji għaddew minn evoluzzjoni kif irriċerka Adrian
Strickland li ser jitkellem dwar l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-gallariji Maltin f’taħdidiet organizzata mill-għaqda Flimkien għall-Ambjent Aħjar.

Il-gallariji Maltin huma element viżwali li jiddefinixxi l-karattru tipiku Malti u Mediterranju. Abbundanza ta’ kuluri u materjali li jvarjaw minn ġebla u injam sa ħadid; forom u dekorazzjonijiet dettaljati li jżejnu t-toroq Maltin.

Adrian Strickland ilu jirriċerka fuq il-gallariji Maltin għexieren ta’ snin. Huwa jispjega li l-gallariji huma fattur li jispikka fil-faċċati tal-binjiet iżda ma kienux jinbnew biex isebbħu biss. Kellhom wkoll skop li jikkumplimenta l-istil ta’ għajxien f’Malta.

“L-iktar ħaġa mportanti hija li fil-Mediterran aħna ma ngħixux ġewwa ġod-dar, ngħixu barra jew konna ngħixu barra fit-toroq, in-nies jiltaqgħu jidħaddtu minn gallarija għall-gallarija jiġifieri min-naħa tat-triq għall-barra u mill-gallariji kienu jixtru biċċa ħabel u bixkilla u jniżżluha u l-venditur ; il-bejjiegħ kien jagħmel affarijiet hekk,” spjega Adrian Strickland.

Is-Sur Strickland jgħid li l-gallarija Maltija evolviet mal-istili arkittetoniċi u disinji fil-gallariji irriflettew ukoll l-iżviluppi fit-teknoloġija. Jispjega li l-ewwel gallariji kienu tal-ġebel minħabba li l-injam f’Malta kien skars.

“Bilfors kellhom jagħmlu l-ġebel u imbagħad bil-mod il-mod minħabba li il-gebel tieħu ħafna spazju fuq il-gallarija u ippreferew li jibnu bl-injam għax jigwadanjaw l-spazju fil-gallarija,” qal Adrian Strickland.

Sa llum il-ġurnata, il-gallariji Maltin għadhom jikkostitwixxu parti essenzjali fl-istil ta’ ħajja tal-poplu Malti.

Astrid Vella minn Flimkien għall-Ambjent Aħjar qalet li l-gallariji Maltin kienu mhedda mill-iżvilupp urban bejn is-sittinijiet u d-disgħinijiet. Kien biss fl-aħħar snin li l-valur artistiku u kulturali tal-gallariji tal-ġebel u njam ġie rikonoxxut u iddaħħlu regolamenti biex sidien ta’ gallariji ikunu mgħejjuna finanzjarjament biex jirrestawraw l-gallariji tradizzjonali Maltin.