Ambjent
“Il-ġejjieni tad-dinja qed jinħaraq fuq l-artal ekonomiku”

Il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, ordna lill-armata tassisti biex jiġu ikkontrollati n-nirien. F’digriet, il-President awtorizza biex is-suldati jintbagħatu f’riżervi naturali, f’artijiet indiġeni u f’żoni li jinsabu mal-fruntiera.

Id-deċiżjoni jidher li ttieħdet wara pressjoni kbira fuq il-President minn diversi mexxejja Ewropej, fosthom il-President Franċiż Emmanuel Macron. Min-naħa tiegħu, Bolsonaro, ikkritika r-reazzjoni ta’ pajjiżi oħra u insista li n-nirien ma jistgħux jintużaw bħala skuża biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-Brażil.

Dan wara li Franza u l-Irlanda li wissew li jekk il-Brażil ma jagħmilx sforz akbar biex jindirizza in-nirien fl-Amażjona, mhux se jirratifikaw ftehim tal-kummerċ mal-pajjiżi tal-Amerka t’Isfel. Ir-rabja tal-pubbliku għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-gvern Brażiljan intweriet bi protesti quddiem l-ambaxxati tal-Brażil f’diversi pajjiżi.

Fis-servizz li jmiss,TVM tkellem mal-bijologu Sandro Lanfranco, dwar l-importanza tal-Amażonja għad-dinja u għaliex in-nirien f’din il-foresta qed iqanqlu daqstant reazzjoni ta’ rabja u protesti.

“Il-firxa totali tal-Amazon hija kważi daqs l-Ewropa kollha, qed ngħidu li tliet kwarti tal-Ewropa hija firxa ta’ art kbira ħafna, diffiċli timmaġinaha, kollha siġar, imma li qed jiġri bħalissa li f’postijiet, hemm firxiet imdaqqsin li qed jinħarqu apposta mill-bniedem fl-aħħar mill-aħħar biex jagħmel il-flus. Dan, bħal ħafna postijiet oħrajn tad-dinja il-futur tagħna, il-foresti tagħna, l-annimali u l-pjanti tagħna qed jinħarqu fuq l-artal ekonomiku.”

Il-bijologu Sandro Lanfranco qal li bħalissa huwa żmien ta’ nixfa fil-foresta tal-Amażonja u xi nirien kultant ikunu naturali. Iżda r-rata ta’ nirien din is-sena hija kważi d-doppju ta’ snin ta’ qabel. Il-kriżi tal-Amazonja hi kumplikata mill-fatt li meded ta’ siġar qed jinqerdu għall-bejgħ taz-zkuk jew biex l-art tinbidel f’raba’ jew biex jirgħu l-annimali.

Ritratti mis-satellita juri ħafna żoni ta’ ħruq ta’ siġar fi żmien qasir. Stimi juru li kull minuta qed jinħarqu siġar daqs ħames grounds tal-futbol, bid-duħħan qed idallam bliet Brażiljani li jinsabu mili ‘l bogħod.

“Dan il-post huwa patrimonju dinji mhux biss għall-Amerika t’Isfel, għax l-ewwelnett fih varjetà inkredibbli ta’ annimali u pjanti ħafna minnhom li għadhom ma ġewx skoperti, huma ġodda għax-xjenza, joffri ħafna servizzi li huma importanti għalina, inaddfu l-arja per eżempju biex nagħmluha b’mod sempliċi.”

Żied jgħid li s-siġar tal-foresta jagħtu ċertu ammont ta’ ossiġnu u jixorbu ħafna mid-dijossidu tal-karbonju li huwa l-gass li jikkawża l-bidla fil-klima. Qal li l-ambjent tant hu varjat u kumpless li la darba jinqered se jkun inqered għal dejjem.

“Hemm min jgħid jinqatgħu s-siġar, ma ġara xejn, ftit snin oħra jerġgħu jikbru. Mhux minnu dan. Għax il-foresta tal-Amazon għandha bżonn l-ilma, hi toħloq il-klima tagħha stess, tant hija kbira, u kull darba li taħraq parti mill-foresta, iż-żona ta’ hemmhekk tinxef tikka, u aktar ma tinxef aktar huwa diffiċli biex jikbru siġar oħrajn.”

Billi l-Amażonja hi kunsidrata bħala l-pulmun tad-dinja, ħafna mexxejja qed jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Brażiljan fosthom pajjiżi Ewropej. Il-Finlandja qed tikkunsidra taqta’ l-importazzjoni tal-laħam Brażiljan.

Il-bijologu Sandro Lanfranco temm jgħid li bill-bniedem jew mingħajru, id-dinja xorta għaddejja minn perjodu li qed tisħon għaliex għadha ħierġa miż-żmien tas-silġ li spiċċa madwar 18,000 sena ilu. Qal li miż-żmien industrijali ‘l hawn, l-azzjonijiet tal-bniedem inkluż il-ħruq tal-fossili għall-enerġija, u l-qtugħ u l-ħruq ta’ ħafna siġar, fost azzjonijiet oħra, qed joħloq gassijiet li qed jgħaġġlu r-rata li biha qed tisħon id-dinja u dan qed iħalli riperkussjonijiet kbar fuq l-ambjent tad-dinja kollha.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Aktar tard din is-sena partijiet minn Malta mistennija jerġgħu jintużaw għall-film blockbuster. Il-film ġdid ‘Jurassic World 3′ mistenni jinħareġ fis-swali taċ-ċinema f’Ġunju tas-sena d-dieħla. L-aħħar film minn din is-serje kellu…

Politika

Il-Ministru Owen Bonnici qal li bħala Ministru tal-Edukazzjoni se jaħdem, fost affarijiet oħra, biex jiġu indirizzati nuqqasijiet fis-sistema biex ħadd ma jaqa’ lura, u biex iżjed nies ikomplu jistudjaw, anke…

Politika

Waqt żjara fil-ħwienet fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru Robert Abela intlaqa’ mill-pubbliku, is-sidien, u l-ħaddiema tal-istabillimenti fi Triq ir-Repubblika. Dr Abela qal li l-Gvern qiegħed u ser ikompli jwettaq il-wegħda tiegħu…

Lokali

Tħabbret il-mewt ta’ Terry Jones; storiku u artist, magħruf l-iktar għas-serje televiża Monty Python and the Flying Circus. Terry Jones miet ta’  77 sena, wara li għall-aħħar erba’ snin kien…

Aktar