Enerġija
Il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġija alternattiva fl-aħħar snin żdiedet b’270%

Il-Gvern qal fi stqarrija li l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġija alternattiva bejn l-2014 u 2018, żdiedet b’270%. Il-Gvern qal b’dan b’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista li akkużat lill-Gvern b’inkompetenza li ma laħaqx il-mira tal-enerġija nadifa ta’ għaxra fil-mija tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u kellu jixtri d-differenza mill-Estonja.

Il-Gvern spjega li l-mira ma ntlaħqitx għax il-ġenerazzjoni tal-elettriku żdiedet b’20% biex tlaħħaq maż-żieda fl-attività ekonomika u fil-popolazzjoni. Fakkar li bejn l-2004 u l-2012 taħt Gvern Nazzjonalista, l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi alternattivi telgħet b’inqas minn 3%.

Fl-istess waqt il-Gvern qal li għalkemm l-istatistika għall-2019 għada ma ħarġitx, jidher ċar li l-miri kważi inlaħqu. Żied jgħid li din is-sena, se joħorġu diversi skemi u inizjattivi biex tiżdied b’mod kontinwu l-ġenerazzjoni tal-enerġija alternattiva.