Il-ġenituri huma parti mill-kaġun għalfejn student jagħżel li jwettaq il-bullying?

‘Popolin’tkellem ma’ Jeremy Mercieca, għalliem li jaħdem qatigħ biex jiġġieled ir-realtà tal-bullying fl-iskola fejn jgħallem.

Mercieca spjega li l-fenomenu negattiv tal-bullying mhuwiex problema żgħira, biss permezz tal-għarfien li qiegħed isir kontinwament, jemmen li l-bullying qiegħed jiġi kontrollat aħjar. Tenna li qegħdin isiru diversi attivitajiet u taħditiet fl-iskejjel biex jgħinu lit-tfal jiġġeneraw il-ħsieb rigward dan is-suġġett. Saħaq li min jadotta dan l-aġir negattiv ikun jixtieq juri li hu superjuri.

Mercieca tenna li fl-opinjoni tiegħu meta student jadotta dan l-aġir, il-ġenituri jew min ikun qiegħed irabbi jkollhom sehem fir-raġuni għalfejn l-istudent qed jagħmel din l-għażla. Qal li ħafna mid-drabi, ikun jingħata arja żejda meta jkun mal-familja f’daru u għalhekk it-tfal jibdew jemmnu li għandhom dritt iħossuhom superjuri fuq studenti oħra.