Barranin
Il-ġenituri li ma jridux jersqu aktar lejn l-uffiċċju

Fl-aħħar ġimgħat għadd ta’ kumpaniji talbu lill-ħaddiema tagħhom biex jerġgħu jibdew jaħdmu mill-uffiċċju. Iżda l-ġenituri li rnexxielhom iżewġu r-remote working ma’ aktar ħin ma’ wliedhom, mhumiex kuntenti b’dan.

Għal Ellen, omm ta’ 36 sena li taħdem f’Wall Street fl-Istati Uniti, il-pandemija rnexxielha tipprova li l-ħaddiema kapaċi jaħdmu mid-dar, ikunu produttiva u m’hemmx il-ħtieġa li jmorru lura l-uffiċċju.

Hija qalet li qabel il-pandemija, bil-kemm kienet tara lil binha matul il-ġimgħa. Iżda mill-Covid ’l hawn, drat tiekol ma’ binha u tkun miegħu fil-ħin tal-irqad. Qalet li mindu talbuha tmur lura l-uffiċċju, ħajjitha reġgħet inqalbet ta’ taħt fuq.

Il-mara qalet li tul il-biża’ li ġabet magħha l-pandemija, l-iktar ħaġa pożittiva li għaddiet minnha kienet li kellha l-opportunità li tibni r-relazzjoni akbar b’saħħitha ma’ binha.

“Kont qed naħdem, u għandna persuna magħna, iżda kont id-dar u kelli ħin prezzjuż biex inkun miegħu bejn laqgħa u oħra permezz taz-Zoom jew telefonata”, qalet Ellen.

Għal snin, il-ġenituri sejħu għal aktar awtonomija biex jiddeċiedu fejn u meta jaħdmu u biex ifasslu l-ġimgħa tax-xogħol tagħhom skont l-opportunitajiet biex jieħdu ħsieb lil uliedhom.

F’Marzu tas-sena li għaddiet, il-pandemija poġġiet fuq platt tal-fidda din l-opportunità li kienet ilha fuq l-ixkaffa s-snin. Dan hekk kif il-ħaddiema ntbagħtu biex jaħdmu mid-dar.

Madankollu, issa li l-affarijiet bdew ġejjin lura għan-normal, ħafna sidien ta’ kumpaniji qegħdin jitolbu lill-ħaddiema tagħhom biex imorru jaħdmu lura l-uffiċċju full-time.

Ħafna d-drabi l-ħaddiema huma maqsuma dwar din il-kwistjoni. Uħud ifaħħru l-vantaġġi soċjali marbuta mal-uffiċċju waqt li oħrajn jisħtu s-siegħa u l-mument li reġgħu fuq il-post tax-xogħol.

Madankollu, il-ġenituri huma l-aktar li qed jirreżistu li jmorru lura x-x-xogħol, l-aktar minħabba s-sigħat twal ta’ xogħol.

Esperti tas-suq tax-xogħol, u l-ġenituri nfushom, qed isostnu li d-dar hemm aktar flessibbiltà u aktar minn hekk, taw prova li jistgħu jagħmlu xogħolhom barra mill-uffiċċju. Dan ifisser li bosta mgħallmin li ma jistgħux jilqgħu x-xewqa ta’ ġenituri li jqattgħu aktar ħin ma’ wliedhom, qed jirriskjaw li jitilfu t-talent ta’ ħaddiema li qegħdin ifittxu xogħlijiet oħrajn ma’ kumpaniji li joffru din l-opportunità.