Saħħa
Il-ġerħa tas-solitudni qed tiżdied fiż-żgħażagħ

Saċerdot li kien jgħallem l-Università jħoss li l-ġerħa tas-solitudni, hi fonda tant, li qed tinħass ukoll fost iż-żgħażagħ.

F’kummenti lil Television Malta, Dun René Camilleri stqarr li f’ċerti każijiet, din il-pjaga soċjali qed twassal biex in-nies maħkuma mis-solitudni jtemmu ħajjithom b’idejhom.

Stħarriġ li sar is-sena l-oħra mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera li erbgħa minn kull għaxar persuni f’Malta ġieli esperjenzaw jew qed jesperjenzaw is-solitudni. Għal Dun René Camilleri, li sa ftit ilu kien jgħallem l-Università, iħoss li l-ġerħa tas-solitudni żdiedet b’mod allarmanti mhux biss fost l-anzjani iżda anki fiż-żgħażagħ.

”L-anonimità tfisser illi ma nafx min huma l-ġirien tiegħi, ma nafx joqogħod fuqi, taħti, ħdejja, m’għandix kuntatt magħhom.”

Fi kliem Dun René, ir-relazzjonijiet personali huma l-ossiġnu għall-bniedem.  Stqarr li f’ċerti każijiet, id-diqa tas-solitudni qed twassal fost oħrajn għal suwiċidji.

”Dak kollu li inti jista’ jtaffilek l-uġigħ, għalik huwa rimedju, anki jekk lilek jista’ jimmultipplikalek l-uġigħ imma dak il-ħin tarah bħala rimedju.”

Dun René huwa membru f’bord li se jevalwa nomini tal-Premju għall-Inizjattiva Kontra s-Solitudni li tnieda mill-kumpanija LyonsCare li taħdem fil-qasam tal-anzjani. Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Patrick Vella, appella għal ideat kreattivi biex l-anzjani ma jibqgħux ibatu s-solitudni.

”Postijiet fejn għamlu sempliċiment bank il-pjazza. Bank il-pjazza huwa post fejn jinġemgħu n-nies, fejn jiltaqgħu, jitkellmu, għandu ma’ min jiltaqa’, hemm dak li ngħidulu sense of belonging, li ma tħossx li inti waħdek.”

Il-President, George Vella, iddeskriva s-solitudni bħala epidemija ġdida minkejja li qed ngħixu f’era teknoloġika. Il-President Vella appella lis-soċjetà biex tagħti sehemha biex din il-pjaga tiġi indirizzata.

Is-sottomissjonijiet għall-Premju għall-Inizjattiva Kontra s-Solitudni jagħlqu fit-8 ta’ Mejju.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Ġew inawgurati żewġ bowsers state of the art li jitrattaw id-drenaġġ. Dan bħala parti minn proġett maġġuri tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma, iffinanzjat minn fondi Ewropej. Dawn il-bowsers huma l-aħħar żieda mal-flotta…

Politika

Il-Kap tad-Dipartiment għall-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Glenn Micallef, spjega li l-Kummissjoni Ewropea għamlet il-proposta tagħha dwar id-daqs tal-budget tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin. Din il-proposta kienet…

Kultura

L-istazzjon nazzjonali se jkun qed ixandar l-iskeda sħiħa tal-Karnival ta’ din is-sena. Dawn huma l-ħinijiet tax-xandiret tal-Karnival: Is-Sibt 22 ta’ Frar  – Il-Karnival tat-Tfal mid-09:25 sa 12:00 fuq TVM2 Is-Sibt…

Unjoni Ewropea

It-tranżizzjoni klimatika inkorporata fil-Patt Ekoloġiku hija imperattiv etiku kif ukoll opportunità ekonomika. Jeħtieġ li nadattaw il-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw biex nipproteġu ’l saħħitna u l-benesseri tagħna u nħarsu l-pjaneta…

Aktar