Ambjent
Il-ġibjuni tal-WSC se jkomplu jintużaw biex jitwaħħlu l-pannelli tax-xemx

Aktar ġibjuni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jservu ta’ bażi għall-pannelli tax-xemx.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Richard Bilocca, qal lil TVM li l-ġibjuni tal-korporazzjoni barra li ser iservu l-iskop tagħhom għall-ħażna tal-ilma ser jintużaw ukoll għall-ġenerazzjoni tal-enerġija nadifa permezz tal-panelli tax-xemx, kif diġà sar bil-ġibjun tal-Fiddien.

Is-Sur Bilocca, ħabbar li se toħroġ sejħa għall-offerti biex aktar pannelli tax-xemx jitwaħħlu fuq il-ġibjuni, li l-Korporazzjoni għandha madwar Malta u Għawdex.

Fuq il-ġibjun tal-Fiddien, fil-limiti tar-Rabat, diġà ġew stallati aktar minn tlett elef pannella tax-xemx, f’dak li hu meqjus bħala l-ewwel solar farm tal-komunità f’Malta.

“Naħseb hija waħda mill-ikbar Solar Farms li hawn Malta jiġifieri hu proġett massiv. Issa bħala Korporazzjoni ma waqafniex hemm u fil-ġimgħat li ġejjin ħa jkunu qed joħorġu t-tenders għal numru ta’ ġibjuni oħra li ħa nkunu qed nużaw għall-istess għan,” qal is-Sur Bilocca.

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha ‘l fuq minn għoxrin ġibjun b’ħażna ta’ aktar minn 400 miljun litru ta’ ilma.

Is-Sur Bilocca spjega li l-Korporazzjoni għandha żewġ tipi ta’ ġibjuni. Dawk kbar, li jintużaw kemm għall-ħażna kif ukoll biex ġo fihom jitħallat l-ilma tar-Reverse Osmosis u l-ilma tal-pjan.

“Bħal-ġibjun tal-Qrendi, bħal-ġibjuni ta’ Ta’ Qali, għandna tliet ġibjuni hemmhekk kbar bħall-ġibjun tal-Fiddien, in-Naxxar, Ħal Luqa. Dawn huma ġibjuni kbar. Jiġifieri l-ġibjun ta’ Ħal Luqa pereżempju, fih kważi ħames tomniet, ta’ Ta’ Qali huwa ferm ikbar, tal-Fiddien jerġa’ ikbar, jiġifieri dawn hemmhekk aħna għandna qisu ‘cushion’ biex jekk ikollna interrupzzjoni, eżempju f’reverse osmosis waħda jew hekk, inkun nista’ nerfagħha bil-ġibjun.”

U oħrajn iżgħar bħal dawk fiż-Żurrieq u f’Wied il-Għajn, li jintużaw biex tissaħħaħ in-network fil-lokalità.

Is-Sur Bilocca qal li l-ġibjuni se jkunu parti kruċjali mill-proġett li qed taħdem fuq bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Qal li mill-mina, li qed titħaffer mill-ikbar impjant ta-Reverse Osmosis f’Pembroke għall-ġibjuni ta’ Ta’ Qali, se jgħaddi main ġdid tal-fibreglass. Spjega kif il-kwalità tal-ilma se tittejjeb għaliex l-ilma tal-pjan se jitħallat mal-ilma tar-Reverse Osmosis.

” Qabel dan aħna l-ilma tar-Reverse Osmosis minħabba li ngħadduh minn mejnijiet tal-ħadid u l-ilma jkun aggressiv irid nżiduh bil-ġebla. L-ilma tal-pjan diġà fih il-ġebla, l-ilma tal-pjan fih ħafna mluħa, issa billi ħa nħalltu dawn iż-żewġ tipi ta’ ilma bl-aħjar mod, ħa nkunu qed intejbu ċertu parametri li jaffettwaw it-togħma d-doppju.”

Is-Sur Bilocca qal li l-mod kif inhu ddisinsjat in-network, il-lokalitajiet kollha f’Malta se jkollhom l-istess kwalità ta’ ilma. Spjega li dan se jkun posibbli għaliex il-ġibjuni huma magħqudin wieħed mal-ieħor.

Aħbarijiet Oħra
Trasport

Fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew xogħlijiet fil-venda tal-karozzi tal-linja fil-foss ta’ San Ġakbu għal titjib fil-faċilitajiet għal passiġġieri. Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li dan l-proġett ser jiswa €400,000 u…

Lokali

Il-membri ġodda li ġew eletti fil-kunsill tal-Kamra tal-Kummerċ kellhom laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja. Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb, qal li l-Kamra tal-Kummerċ se tkompli taħdem fl-interess tan-negozju….

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa ironiku li Dr Simon Busuttil u Dr Jason Azzopardi ffirmaw rikors biex il-Qorti twaqqaf il-ħatriet tat-tliet Imħallfin u tliet Maġistrati. Illum, fil-Palazz tal-President,…

Lokali

Fil-Palazz tal-President, ingħataw il-ġurament tal-ħatra tliet Imħallfin u tliet Maġistrati ġodda. Il-ġuramenti tal-ħatra ngħataw mill-President George Vella li ħeġġeġ lill-Gvern biex ifassal u jimplimenta l-miżuri li jsaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura kif…

Aktar