Reliġjon
Il-Ġimgħa l-Kbira bil-bibien tal-knejjes magħluqa u l-bankijiet vojta

Il-knejjes baqgħu bil-bibien magħluqa u l-bankijiet vojta. Għall-Ġimgħa l-Kbira din hi xena li qatt ħadd ma esperjenza, lanqas fil-gwerra! Diversi parroċċi xandru fuq il-midja soċjali mumenti ta’ talb quddiem l-altar tar-repożizzjoni, u l-funzjoni li fakkret il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, bis-sehem biss tas-saċerdoti.

Il-parroċċa tal-Mosta ħalliet fil-bieb il-kbir tal-Knisja, il-vara l-kbira mis-sett tal-purċissjoni, li tirrappreżenta t-tifkira tal-ġrajja tal-lum, bin-nies għaddejjin mill-pjazza jieqfu għal ftit sekondi ta’ talb mill-bogħod.

L-Arċisqof mexxa l-funzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Kappella tal-Madonna ta’ Manresa, fil-Kurja. Kif inhi t-tradizzjoni, fil-bidu l-Arċisqof niżel minn tulu mal-art b’sinjal ta’ qima, fis-skiet. Minnufih wara bdiet il-liturġija tal-kelma, li nkludiet il-qari tal-ġrajja tal-passjoni ta’ Ġesù skont San Ġwann. Dan l-evanġelista jirrakkonta l-passjoni ta’ Ġesù differenti mill-oħrajn. Juri kif Ġesù, wara li aċċetta minn idejn il-Missier dak li kellu jgħaddi minnu, jirbaħ fuq kull sitwazzjoni u fuq kulħadd.

Mal-intenzjonijiet tas-soltu, it-Talbiet tal-Ġemgħa din is-sena kienu jaħsbu fost oħrajn fil-pazjenti tal-Covid 19 u l-professjonisti li qed jaħdmu magħhom.

“Nitolbu wkoll, f’dan iż-żmien ta’ tbatija fid-dinja, għal dawk kollha milquta mill-imxija tal-Coronavirus, għat-tobba u l-infermiera u dawk li jieħdu ħsieb il-kura ta’ min hu marid u l-familji tagħhom, għal dawk li għandhom ir-responsabiltà jieħdu deċiżjonijiet serji f’din is-sitwazzjoni, għal dawk li huma responsabbli mill-ordni pubbliku u mid-dixxiplina, għal dawk li tilfu x-xogħol u l-familji tagħhom, għal dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom u għall-mejtin tagħhom.”

Mument sinifikanti: l-Adorazzjoni tas-Salib Imqaddes.

Mill-Artal tar-Ripożizzjoni nġieb is-Sagrament għar-rit tat-tqarbin. Wara t-tqarbin, l-Arċisqof mexxa talba qasira u l-funzjoni ntemmet hemmhekk.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Waqt li l-Gvern Spanjol beda jerħi wħud mill-aktar restrizzjonijiet ebsin kontra l-virus, l-isptar del Mar f’Barċellona ħa inizjattiva li jieħu lill-pazjenti bil-coronavirus ħdejn il-baħar. Tim mediku mill-isptar Hospital del Mar,…

Agrikultura

“Marzu jgħidlu ikber, April iżbel u Mejju aħsad.” Hekk jgħid il-Malti għall-qamħ. Żmien il-ħsad tista’ tgħid għadda u minn għelieqi kbar lewn id-deheb illum tilmaħ għexieren ta’ balal ta’ tiben…

Parlament

Id-Deputat Prim Minsitru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern kien infurmat bil-fomm mill-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare f’Malta dwar ix-xiri ta’ ishma ta’ shareholder Amerikan mill-istess Steward Healthcare. …

Trasport

F’toroq battala mill-vetturi matul il-pandemija jidher li l-użu tar-rota żdied, kemm bħala mezz ta’ attività fiżika imma wkoll mezz ta’ trasport alternattiv. Grupp ta’ nisa b’kollaborazzjoni mal-organizzazjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA…

Aktar