Il-ġirja tradizzjonali ta’ San Gejtanu din is-sena se ssir bl-istatwa restawrata

Sena wara li San Gejtanu għoddha b’waħda, il-Ħamruniżi din is-sena se jiċċelebraw il-festa bl-istatwa rrestawrata wara li ġarrbet ħsarat żgħar fl-inċident fil-festa tas-sena l-oħra. Nhar l-Erbgħa, il-ħamruniżi setgħu japprezzaw ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq l-istatwa meta sar il-ħruġ tagħha min-niċċa.

Kulħadd għadu jiftakar ix-xeni li seħħew f’Awwissu tas-sena l-oħra. L-istatwa titulari ta’ San Gejtanu għal ftit ma spiċċatx mal-art. Żball żgħir seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar serji, madankollu kollox spiċċa b’wiċċ il-ġid u ħadd ma weġġa’. Wara dan l-inċident, il-Kappillan tal-Parroċċa, Dun Henry Balzan ħa ħsieb li l-istatwa tiġi spezzjonata biex jivverifika jekk ġarrbitx xi ħsarat. Huwa ħalla f’idejn l-iskulturi Alfred u Aaron Camilleri Cauchi sabiex isiru l-verifiki meħtieġa.

Dawn għamlu rapport dettaljat u nstab li l-istatwa kellha xi ħsarat żgħar, b’dik prinċipali kienet l-instabbilità fl-istruttura interna li żżomm il-figuri marbuta mal-bażi. Sabiex tissewwa din il-ħsara, il-proċess kien wieħed metikoluż minħabba li t-tiswija saret kollha mill-qiegħ tal-bażi tal-istatwa u dan sabiex jiġi evitat li tintmess l-induratura tagħha. Wara li tlestiet din il-fażi sar it-tindif tal-induratura u l-karnaġġjon, kif ukoll xi rtokki żgħar li kien hemm bżonn isiru.

Qabel mas-Sinjuri Camilleri Cauchi għamlu r-restawr, huma ppreżentaw rapport lill-Kurja u ngħataw il-permess biex jibdew ix-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr fuq l-istatwa. Il-proċess beda f’April u tlesta fit-tieni ġimgħa ta’ Lulju. Nhar l-Erbgħa, ġimgħatejn wara li tlesta x-xogħol, il-parroċċani Ħamruniżi setgħu jaraw għall-ewwel darba l-istatwa ta’ San Gejtanu rrestawrata fil-ħruġ min-niċċa. Issa se tkun tista’ titgawda b’aktar solennità fil-festa li se tiġi ċċelebrata bħal-lum ġimgħa. U minkejja l-inċident tas-sena l-oħra, il-ġirja tradizzjonali bl-istatwa ta’ San Gejtanu se ssir – kif ilha ssir iktar minn 100 sena – wara li l-Kurja, permezz ta’ digriet, iddeċidiet li dil-ġirja tibqa’ ssir skont it-tradizzjoni, iżda b’aktar galbu u attenzjoni.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed iwissu dwar xorb tal-lumi tad-ditta Piacelli Citrilemon. Fi stqarrija ntqal li wara li saru iktar investigazzjonijiet, instab li l-imsemmi prodott fih sulfati li mhumiex iddikjarati fuq it-tikketta. Lemon…

Lokali

Ir-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi bejn Malta u t-Turkija jinsabu fuq nett waqt żjara statali tal-President Marie Louise Coleiro fit-Turkija li qed tmexxi delegazzjoni diversi ministri tal-gvern u anke negozjanti Maltin….

Brexit

Malta bħal pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qed tħejji għall-eventwalità li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu. F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal…

Aktar