Ambjent
Ta’ Qali jingħata tindifa kbira bi tħejjija għar-riġenerazzjoni tal-park

Fil-jum dinji ddedikat għat-tindif, ħaddiema minn diversi entitajiet tal-Gvern qed jagħtu tindifa kbira f’Ta’ Qali. Ix-xogħol, li mistenni jissokkta fil-jiem li ġejjin, hu wkoll bi tħejjija għall-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Park Nazzjonali.

Spazji pubbliċi u żoni ta’ rikreazzjoni fil-Park Nazzjonali f’Ta Qali u l-madwar qed jitnaddfu f’operazzjoni bis-sehem ta’ 120 ħaddiem minn entitajiet differenti. Għall-ġranet li ġejjin, ħaddiema ta’ Ambjent Malta, id-Direttorat tat-Tindif u t-Taqsima tax-Xogħlijiet qed jaħdmu flimkien b’għan wieħed; li jagħtu dehra aħjar lil din iż-żona permezz ta’ tindif, manutenzjoni ġenerali u żbir tas-siġar.

Jason Micallef, li qed jikkoordina r-riġenerazzjoni tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, qal li dan ix-xogħol hu meħtieġ qabel jibdew interventi akbar fi proġett ambjentali ambizzjuż.

“Se nibdew bix-xogħlijiet kbar, għax dan huwa proġett kbir ħafna, irid ħafna interventi differenti, u li se nagħmlu wkoll huwa li nagħmlu studju speċifiku, biex l-interventi li jkunu għddejjin f’dawn ix-xogħolijiet, aħna ma nħallux li n-nies ma jkunux jistgħu jiġu hawnhekk, allura se jkun hawn fażijiet differenti fix-xogħol biex in-nies xorta jkunu jistgħu jiġu f’Ta Qali,” qal is-Sur Micallef.

Il-Ministru tal-Ambjent, Jose Herrera, qal li din l-operazzjoni ta’ tindif tinkwadra perfettament mal-isforzi tal-Gvern biex l-indafa tkun fuq nett tal-aġenda pubblika.

Il-Ministru tal-Infrastruttura, Ian Borg, qal li Ta’ Qali se jinbidel f’waħda mill-isbaħ żoni f’Malta, b’masterplan li jassigura l-aħjar użu tal-art pubblika.

Il-Ministru tal-Kultura u Gvern Lokali qal li l-gvern qed joħloq aktar żoni siguri u nodfa, bi trawwim ta’ kultura li minn eta’ bikrija qed tiffoka fuq iż-żamma u l-ħarsien tal-indafa pubblika.

Il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali tħabbar aktar kmieni din is-sena, bil-gvern jgħid li se jinvesti €20 miljun biex medda ta’ 450 tomna art tkun dedikata kollha għar-rikreazzjoni tal-familji.

Aħbarijiet Oħra
Budget

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna qal li l-Budget ippreżentat ilbieraħ u r-reazzjoni ġenerali għalih huma turija li l-Gvern hu konxju tal-isfidi, l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet tan-nies. F’konferenza tal-aħbarijiet l-għada tal-Budget, il-Ministru Scicluna…

Saħħa

Kull sena f’Malta jfeġġu madwar 20 każ ta’ kanċer fit-testikoli. Hu stmat li kull sena jmutu żewġt irġiel b’dan il-kanċer. Stħarriġ li sar ix-xahar li għadda wera li tnejn minn…

Kronaka

Lejlet it-tieni anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tnieda rapport imħejji minn Reporters Without Borders u The Shift News dwar ċ-ċirkostanzi li fihom seħħ il-qtil, l-investigazzjoni li saret dwaru, ir-reazzjoni…

Immigrazzjoni

Il-Forzi Armati kienu Involuti f’salvataġġ ieħor ta’ immigranti fl-ibħra fir-responsabbiltà ta’ Malta. 76 immigrant illejla ddaħħlu b’patrol boat fil-kwartieri tal-Iskwadra Marittima f’Xatt it-Tiben. Fost l-immigranti kien hemm 15-il mara, b’uħud…

Aktar