Lokali
Il-Gozo Channel tfittex kumpanija b’servizz fast ferry – in-noll għall-Għawdxin se jkun €6 bir-ritorn

Il-Gozo Channel qed tfittex kumpanija li għandha fast ferry u lesta tissieħeb magħha biex titfa’ offerta lill-Gvern għal servizz sussidjat ta’ trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex. In-noll tal-fast ferry għall-Għawdxin se jkun ta’ €6 bir-ritorn mill-Port il-Kbir.

Intervistat f’Dissett, iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li jekk isir il-proġett tal-mina, xorta jibqa’ skop għall-vapuri bil-kumpanija qed tistudja l-proposta li l-flotta tiżdied b’vapur ieħor. Ħabbar li l-Gozo Channel dalwaqt se terġa’ titlob ħlas għal kull vjaġġ, flok ħlas ta’ darba fl-Imġarr.

Fl-aħħar ta’ April li ġej tagħlaq sejħa għall-offerti li l-Ministeru għat-Trasport ħareġ biex jingħata kuntratt għal ħames snin fuq bażi ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku lill-operatur ta’ vjaġġi għall-karozzi u l-passiġġieri bejn Malta u Għawdex.

L-offerta tobbliga lil min jieħu l-kuntratt biex jipprovdi s-servizz kemm b’vapuri bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr kif ukoll b’fast ferry li jġorr passiġġieri biss bejn il-Port tal-Imġarr u l-Port il-Kbir. Il-Gozo Channel se titfa’ din l-offerta u qed tfittex sieħeb biex jingħaqad magħha bħala l-operatur tal-fast ferry. Iċ-Chairman tal-Gozo Channel, Joe Cordina, qal li l-kumpanija sarulha għadd ta’ domandi mingħand operaturi interessati.

Iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina qal “nassigurak li mill-interess li hemm se nsibu partner. Jekk ma naslux, il-Gozo Channel tikri fast ferry hi imma persważ li se naslu.”

Qal li l-fast ferry huwa ppjanat li jorbot ma’ moll wara d-Dwana fil-Port il-Kbir biex il-passiġġieri kemm jaqsmu t-triq u jużaw il-lift tal-Barrakka. Is-Sur Cordina qal li skont is-sejħa, il-prezz sussidjat għall-Għawdxin se jkun ta’ €6 bir-ritorn.

Jekk il-kumpanija terġa’ tirbaħ hi l-kuntratt għas-servizz bejn Malta u Għawdex, is-Sur Cordina qal li l-Gozo Channel mill-ewwel toħroġ għal sistema biex il-biljetti tal-passiġġieri u s-sewwieqa jibdew jinxtraw kemm miċ-Ċirkewwa kif mill-Imġarr. Qal li din il-miżura hi maħsuba biex taqta’ abbuż li rrimarka dwaru l-awditur.

Joe Cordina qal ”wieħed irid jifhem li ntefqu €15-il miljun fit-terminal taċ-Ċirkewwa u dan ġie mibni apposta biex ma jieħux it-ticketing system. Jiġifieri rridu noħolqu l-infrastruttura għalhekk.”

Iċ-Chairman qal li l-Gozo Channel tħaddem mal-200 persuna, b’numru mdaqqas huma ħaddiema provduti minn kuntratturi. Is-sena l-oħra l-Gozo Channel ħallset aktar minn €miljun lil 5 kumpaniji li bejniethom ipprovdewlha fattigi, baħrin, uffiċjali tas-sigurtà u fil-kafetteriji abbord.

“Kieku qed jaħdmu direttament mal-kumpanija jiswew ħafna aktar. Minħabba li huma sub -contracted għandna aktar flessibilità”

Dwar il-flotta tal-vapuri, iċ-Chairman qal li bil-livell ta’ manutenzjoni, il-kumpanija tistma li t-Ta’ Pinu, il-Gaudos u l-Malita jifilħu ħmistax-il sena oħra xogħol. Ikkonferma li l-kumpanija qed tistudja l-possibilità li jkollha r-raba’ vapur.

Wara t-tmiem sentejn ilu tal-vjaġġi minn Sa Maison għall-merkanzija, għaċ-Chairman tal-Gozo Channel, il-merkanzija hi destinata li tibqa’ tgħaddi miċ-Ċirkewwa. Qal li l-Gozo Channel qed toffri b’inċentiv prezz bin-nofs lill-burdnara li jużaw is-servizz bil-lejl. Mill-banda l-oħra, iċ-Chairman qal li l-idea li sewwieqa jħallsu noll ogħla biex jibbukkjaw post minn qabel ma ndifnitx għal kollox.

Qal li l-Gozo Channel għalqet is-sena li għaddiet bi profitt ta’ madwar miljun Ewro waqt li l-Gvern iħallas mis-seba’ mitt elf ewro bħal public service obbligation.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

F’Tas-Sliema, main bi pressjoni ogħlja spiċċa biex faqa’ l-bankina u ħasel il-karozzi pparkjati fil-viċin. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienu fuq il-post is-Sibt filgħaxija biex isolvu problema. Għat-tiswijiet kellha wkoll tingħalaq il-provvista…

Lokali

Minħabba li qed iċedi l-blat fil-bajja ta’ Għar Lapsi, kellu jingħalaq l-aċċess għal parti oħra minn din il-bajja, msejħa west cove. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti…

Lokali

Id-DJ Olandiż, Mike Williams, magħruf mad-dinja kollha għall-mużika house u future house li jipproduċi, għażel biex jiġbed filmat tal-aħħar diska li ħareġ f’Kemmuna. Id-DJ żagħżugħ li għandu biss 21 sena,…

Aktar