Lokali
Il-GRTU tesprimi t-tħassib tagħha rigward is-settur bankarju

Uffiċjali u membri speċjaliżżati fil-qasam finanzjarju fi ħdan il-GRTU kellhom laqgħa rigward is-sitwazzjoni bankarja f’Malta mal-Prim Ministru Joseph Muscat u
mas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni l-Onor. Silvio Schembri.

Fi stqarrija l-GRTU qalet li fil-laqgħa spjegat is-sitwazzjoni kurrenti li l-intrapriżi qegħdin jesperjenzaw vis a vis is-settur bankarju. Il-President tal-GRTU Paul Abela sostna li kemm xogħol kif ukoll opportunitajiet qegħdin jintilfu ta’ kuljum. Għalkemm il-GRTU ma tistenniex li l-affarijiet jibqgħu jsiru bħal qabel, sostna li kull għajnuna tagħmel differenza.

Rappreżentanti tas-servizzi finanzjarji spjegaw il-problemi li jiltaqgħu magħhom biex iwettqu xogħolhom fid-dawl tal-problemi affaċjati fis-settur bankarju. Qalu li dawn il-problemi qed jinħassu kemm minnhom kif ukoll mill-klijenti tagħhom. Irrimarkaw li l-klijenti isibuha diffiċli biex jifhmu kif għalkemm huwa faċli ħafna li jiftħu negozju hawn Malta huwa kważi impossibli li jiftħu kont tal-bank.

Il-GRTU qalet li s-sitwazzjoni bankarja qiegħda twassal biex investituri jerġaw jikkonsidraw jekk għadux ta’ valur li jinvestu ġewwa Malta u jekk dan għadux ta’ benefiċċju għalihom. Saħqet li din is-sitwazzjoni qiegħda tgerrex l-investiment.

Il-GRTU saqsiet għalfejn biex sempliċiment jinfetaħ kont bankarju għandu jieħu kważi sena biex jinfetaħ, anki jekk is-settur huwa ikkonsidrat bħala ‘low risk’.

Sostniet li s-settur bankarju qiegħed jonqos minn ħafna aspetti fosthom li ma hemm l-ebda struttura u proċedura ċara ta’ kif il-banek jaċċettaw klijenti ġodda, u sadanittant mal-klijenti mhi qiegħda ssir l-ebda komunikazzjoni ċara ta’ jekk in-negozju huwiex ser jinfetaħlu kont bankarju jew jekk dan hux ser jiġi rrifjutat.

Kompliet tgħid li klijenti u membri li tradizzjonalment dejjem ħadmu ma’ banek lokali ukoll qegħdin jingħalqulhom il-kontijiet bankarji tagħhom mingħajr ma tingħata raġuni valida. Waqt din il-laqgħa il-GRTU sostniet fuq l-importanza ta’ aktar banek li joperaw ġewwa Malta u qalet li dan għandu jwassal biex titaffa ftit din il-problema.

Apparti dan il-GRTU enfasiżżat fuq il-bżonn li jkun hemm aktar proċeduri armoniżżati bejn il-banek lokali fejn jidħlu applikazzjonijiet ta’ klijenti ġodda. Qalet li dan għandu jwassal biex il-proċess ikun strutturat b’hekk isir aktar aċċessibli għal kulħadd.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

F’Malta hawn madwar 7,000 persuna li għandhom id-demenzja, bl-istudji juru li l-għadd mistenni jiżdied għal mill-inqas 13,000 sal-2025. L-esperti jemmnu li din hija biss ix-xifer tal-istampa, minħabba li għadd ta’…

Stejjer Umani

Għalkemm il-Maltin ikunu qed jistennew is-sajf bil-ħerqa biex jaqtgħu xi ftit mir-rutina ta’ kuljum tax-xogħol, mhux l-istess jista’ jingħad għal Alfred Attard li ilu aktar minn 40 sena jiġbor il-melħ…

Stejjer Umani

Omm Maltija ta’ żewġt itfal żgħar ilha sitt ġimgħat ma tara lil uliedha, u tisħaq li ma tafx x’sar minnhom. L-omm, li isimha mhux qed jixxandar fl-interess tat-tfal, ix-xahar li…

Kultura

Aktar minn 100 kwadru ta’ arti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti tneħħew minn posthom minħabba l-moffa li żviluppat fil-binja. F’kummenti lil TVM, il-Kuratur tal-MUŻA, Kenneth Cassar, spjega li l-opri tal-arti tneħħew minn…

Aktar