Lokali
Il-GTA tilqa’ l-aħbar tal-airlink bejn Malta u Għawdex

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) laqgħet l-impenn tal-Gvern għal aktar konnettività għal Għawdex permezz tal-introduzzjoni tal-linja tal-ajru bejn iż-żewġ gżejjer.

Is-Sibt, f’attività f’Għawdex, il-Prim Ministru, Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jkun qed jikkonsulta dwar kif se jsaħħaħ il-konnettività bejn Malta u Għawdex bil-proġett tal-airlink u fisser kif ix-xogħlijiet għal din l-infrastruttura mhux se jkunu qed isiru fuq ebda art agrikola.

Fi stqarrija, il-GTA faħħret lill-Gvern għall-fatt li dan il-proġett mhux se jmiss art agrikola u se jsir b’mod sostenibbli.

Qalet li tifhem u hija konxja li dan il-proġett mhux se jservi biss lil Għawdex għall-konnettività aħjar, iżda se jkun katalist għall-ħolqien ta’ niċeċ u attivitajiet ekonomiċi ġodda.

Hija laqgħet ukoll l-aħbar l-oħra mħabbra mill-Prim Ministru dwar ir-raba’ vapur tal-Gozo Channel li se jkun qed jaħdem b’tali mod li ma jniġġisx.

Temmet billi esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li waħda mill-proposti tagħha se seħħ sabiex titjib l-aċċessibilità għal Għawdex.