Budget
Il-GTA tilqa’ l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li minnu mistenni jibbenefika Għawdex

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA), laqgħet il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-Gvern għax qalet li dan se jkun ta’ għajnuna għas-settur turistiku biex jegħleb l-effett tal-Covid-19.

Fost il-miżuri li l-GTA qalet li se jkunu ta’ għajnuna kbira hemm il-ħlas mill-Gvern ta’ suppliment għall-pagi tal-ħaddiema sal-aħħar ta’ Settembru, l-għajnuna fil-ħlas tal-kont tad-dawl u l-ilma tan-negozji u fil-ħlas tal-kirjiet tal-istess negozji u l-maħfra fil-ħlas tal-liċenzji tan-negozji għal din is-sena.

Il-GTA laqgħet ukoll l-għajnuna diretta lill-familji biex tiġi stimulata l-ekonomija b’mod partikolari l-għoti ta’ €100 f’forma ta’ vouchers lil kull persuna li għalqet is-16-il sena li minnha hu mistenni li jibbenefika Għawdex għaliex huwa destinazzjoni popolari mal-Maltin.