Il-GUG tilqa’ ż-żieda ta’ €300 fil-benefiċċju għall-istudenti Għawdxin

Il-Gozo University Group laqgħet il-miżura mħabbra lbieraħ fil-Budget għas-sena d-dieħla fejn l-istudenti Għawdxin li jistudjuw Malta se tingħatalhom żieda ta’ €300 fis-sena. Madankollu, il-GUG sostniet li xorta waħda tħoss li din mhix soluzzjoni fit-tul għall-problema tal-akkomodazzjoni tal-istudenti Għawdxin f’Malta. Għaldaqstant sostniet li tinstab miżura sostenibbli għall-futur.

Il-GUG laqggħet ukoll id-deċiżjoni tal-Università ta’ Malta li tibda toffri korsijiet f’Għawdex li se jgħinu lill-istudenti jiksbu dottorat u post-doctorate degrees.

Apparti dan hija rrikonoxxiet il-ħidma li saret biex tlesta l-istudju ta’ fattibbiltà dwar il-link permanenti bejn Malta u Għawdex. Hija wriet is-sodisfazzjon tagħha wkoll dwar il-proġett ta’ pixxina Nazzjonali għal Għawdex li fi kliemha għamel pass kbir ‘il quddiem anke fid-dawl tal-fatt li din kienet waħda mill-proposti ewlenin tagħha għall-Budget 2015.

L-għaqda tal-istudenti Għawdxin laqgħet ukoll il-miżuri li ttieħdu biex jiżdied ix-xogħol f’Għawdex permezz ta’ inċentivi għall-impjegati u l-isforzi ġodda li qed isiru biex jiżdied il-back office work f’Għawdex. Madankollu, il-GUG għal darb’oħra ġibdet l-attenzjoni dwar l-investiment tat-tieni cable fibre optic bejn il-ġżejjer. Qalet li jekk dan jiġi implimentat se jkun qiegħed iżid ix-xogħol f’Għawdex.