Lokali
Il-ġurnalisti jitolbu li s-sorsi ta’ Daphne Caruana Galizia jinżammu kunfidenzjali

Il-korp ġurnalistiku ingħaqad fil-Belt f’manifestazzjoni ta’ solidarjetà mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia wara dak li ddeskrivew att barbaru, li mhux biss qered il-ħajja ta’ ġurnalista, imma pprova joħloq il-biża’ għall-libertà tal-espressjoni.

Fl-istess waqt l-edituri qablu li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) iressaq rikors il-Qorti jitlob li fl-investigazzjoni jiġu mħarsa s-sorsi kollha li kellha s-Sinjura Caruana Galizia kemm għall-istejjer li ppubblikat kif ukoll għal li stejjer setgħet kienet qed taħdem fuqhom.

Il-messaġġ tal-ġurnalisti mill-kmamar tal-aħbarijiet kollha li nġabru f’solidarjetà mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia kien ċar ħafna, li huma mhux se jieqfu u jibżgħu. Huma kkundannaw dak li fissru bħala wieħed mill-aktar atti gravissimi li qatt twettqu f’pajjiżna.

Waqt li nġabru fit-taraġ ta’ quddiem il-bini tal-Parlament, il-ġurnalisti qalu li ħadd ma jixraqlu li jmut waqt li jeżerċita d-dritt li jitkellem u jinsabu determinati li jagħtu tama lis-soċjetà. Saħqu li dan l-attakk mhux se jwaqqafhom milli jitfgħu d-dawl fuq fejn oħrajn iridu d-dlam u milli jkomlu jaqdu dmirhom li jkunu għassiesa tal-istituzzjonijiet.

B’faċċati tal-gurnali u kartelluni f’idejhom mċappsa b’żebgħa ħamra bil-kliem ‘Ma nibżgħux’ u ‘libertá tal-espressjoni’, il-ġurnalisti sejħu għall-ġurnaliżmu investigattiv u tennew li hi r-responsabbiltà tal-awtoritajiet li jgħinu biex jippromwovu l-libertà tal-istampa, jipprovdu aċċess għall-informazzjoni u jieqfu jittolleraw it-tixtrid tal-mibegħda kontra l-ġurnalisti.

Minn fejn il-Parlament il-ġurnalisti mxew sa quddiem il-bini tal-Qorti wara li l-edituri ta’ kmamar tal-aħbarijiet differenti qablu li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin iressaq rikors biex il-Maġistrat inkwirenti jassigura li s-sorsi tal-informazzjoni li kellha s-sinjura Caruana Galizia tkun imħarsa l-kunfidenzjalità tagħhom.  Ir-riskors tressaq mill-Avukat Stefano Filletti f’isem l-IĠM.

L-edituri qablu fost oħrajn fuq azzjoni li ser tittieħed fil-jiem li ġejjin, kif ukoll li l-istitut tal-ġurnalisti jkompli l-kampanja biex jitneħħa l-libell kriminali u biex jiħraxu l-pieni għal reati li jsiru fil-konfront tal-ġurnalisti b’konnessjoni mat-twettiq tal-professjoni tagħhom.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-Awditur Ġenerali nnota li minkejja li żdiedu l-ispeċjalisti fid-Dipartiment tal-Outpatient tal-Isptar Mater Dei, il-ħin ta’ stennija għall-appuntamenti fl-outpatient għadu eċċessiv. L-Awditur Ġenerali qal li dawn iċ-ċirkostanzi ilhom ġejjin żmien twil,…

Lokali

Andre Bugeja ta’ 19-il sena u Massimo Fasanelli ta’ 18-il sena, it-tnejn minn Tas-Sliema, baqgħu miżmuma arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija li fil-lejl bejn it-8 u d-9 ta’ Settembru…

Lokali

Il-Kunsill Malti għall-Arti ppubblika l-applikazzjonijiet u r-regolamenti għal dawk li jixtiequ jipparteċipaw f’kompetizzjoni tal-presepji. Il-kompetizzjoni se tkun imqassma f’sitt sezzjonijiet, li jinkludu presepji mekkanizzati u dawk statiċi ta’ daqsijiet differenti….

Lokali

Tħabbar il-programm ta’ attivitajiet għall-kampanja internazzjonali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, li se ddum għaddejja sittax-il ġurnata, mill-24 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru. Il-Kummissarju kontra l-Vjolenza Domestika, Joe Gerada, qal li…

Aktar