Kronaka
Il-ġuvni li nstab mejjet ilbieraħ huwa plejer ma’ tim Spanjol

Klabb Spanjol tal-futbol jinsab f’luttu wara l-mewt taż-żagħżugħ Spanjol Fabio Soto li nstab mejjet f’qiegħ il-baħar f’Delimara lbieraħ filgħodu. Soto li kellu 17-il sena kien pedina importanti fl-iskwadra żagħżugħa ta’ dan il-klabb – il-Coruxo Footbal Club fil-belt ta’ Vigo, u kien ukoll parti mill-iskwadra żagħżugħa nazzjonali Spanjola.

L-aħbar tal-mewt ta’ Soto ngħatat prominenza fil-media soċjali Spanjola li rrappurtat l-inċident traġiku li ħasad il-ħajja taż-żagħżugħ waqt li kien għal btala ma’ sħabu f’Malta. Il-katavru taż-żagħżugħ instab għall-ħabta tat-tmienja tal-bieraħ filgħodu f’qiegħ il-baħar f’Saint Peter’s Pool Delimara, tlettax-il siegħa wara li l-Pulizija rċeviet rapport li l-Ispanjol għeb fl-inħawi. Hu deher l-aħħar miexi ma’ sħabu, li rrappurtawh nieqes lill-Pulizija.

Minnufih bdew tfittxijiet għaż-żagħżugħ mill-Pulizija, il-Forzi Armati u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. It-tfittxijiet waqfu tard bil-lejl. Meta ssuktaw, l-armata sabet il-katavru ta’ Soto f’qiegħ il-baħar. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qed tmexxi l-inkjesta.

 

Ara wkoll:

AĠĠORNAT (1): Ġuvni jinstab mejjet fil-baħar f’Delimara