Lokali
Il-ġuvni li tajjar lill-Pulizija mistenni jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej

Il-ġuvni li tajjar lill-Kuntistabbli Simon Schembri mistenni jitressaq il-Qorti llum. TVM hu infurmat li ż-żagħżugħ mistenni jidher quddiem il-Qorti għall-ħabta tal-12pm.

Il-każ seħħ ilbieraħ meta Schembri sofra ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar f’Ħal Luqa minn ġuvnott li baqa’ sejjer. Hu ġie arrestat ftit wara.

Il-kuntistabbli Simon Schembri kien stazzjonat ħdejn roundabout fi Triq Ħal Qormi, f’Ħal Luqa, viċin l-istabbiliment tal-Lidl. Ftit wara s-sebgħa u nofs ta’ filgħodu, hu waqqaf żagħżugħ li kien qed isuq vettura tal-għamla Mercedes u talbu dokument ta’ identifikazzjoni.

Fl-inċident li seħħ ilbieraħ filgħodu, il-karozza kienet qed tinstaq minn żagħżugħ bla liċenzja għax għadu taħt l-età. Hu saq il-vettura f’distanza ta’ qrib l-erba’ mitt metru, bil-Pulizija mtajjar fuq il-karozza, u aktar tard imkaxkar mal-ġenb tagħha sakemm spiċċa mitluq mal-art qabel tidħol fiż-żona industrijali.

Xhud li ra l-inċident qal lil TVM li l-kuntistabbli żżerżaq għall-parti t’isfel tal-karozza li baqgħet tinstaq, bil-kuntistabbli mqabbad mal-parti t’isfel jitkaxkar mal-art.

Minn filmati esklussivi li TVM kiseb, quddiem id-daħla taż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa, il-Mercedes tidher tiskiddja u ddur tħares bil-kontra. F’dan il-ħin, il-kuntistabbli ma baqax imqabbad mal-karozza. Iż-żagħżugħ saq il-karozza fiż-żona industrijali. Ftit tal-minuti wara, reġa’ ġie mill-istess triq sekondarja fejn saq qrib għal fejn kien hemm il-kuntistabbli mixħut mal-art. Sa dak il-ħin kienu bdew jinġabru n-nies biex jagħtu l-ewwel għajnuna. Hu waqaf u rriversja b’qawwa lura fl-istess triq fiż-żona industrijali.

Minn hemmhekk, iż-żagħżugħ kompla jsuq il-vettura sakemm ħabat ma’ ħajt fi Triq Ħal Farruġ, qabel tidħol fiż-żona Ta’ Kandja. Iż-żagħżugħ abbanduna l-karozza u ħarab fl-għelieqi. Hu nqabad mill-Pulizija u ġie arrestat. Iż-żagħżugħ ġie identifikat bħala Liam Debono ta’ sbatax-il sena li joqgħod Ħal Tarxien. Sorsi qalu li hu mhux wiċċ ġdid mal-Pulizija u fil-karozza nstabu oġġetti relatati mal-abbuż tad-droga.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-Pulizija l-isptar Mater Dei. Il-kuntistabbli Simon Schembri, li hu missier ta’ tliet ulied, ġie operat minnufih. Il-kundizzjoni tiegħu hi kritika. Hu tilef parti minn idejh u jinsab fit-Taqsima għall-Kura Intensiva, taħt osservazzjoni kontinwa, minħabba kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minħabba l-ġrieħi gravi li ġarrab.

 

Aħbarijiet Oħra
Ekonomija u Finanzi

Fit-tielet kwart tas-sena bejn Lulju u Settembru li għadda, Malta kellha l-akbar tnaqqis fid-dejn tal-Gvern fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel u t-tieni l-akbar tnaqqis…

Lokali

Skont Oliver Frendo, mill-Kooperativa tal-Majjali f’Malta, is-sitwazzjoni preżenti tal-majjali f’Malta mhix daqshekk tajjeb. Waqt il-programm TVAM Oliver qal li s-settur lokali tal-majjali tilef aktar minn 10% tal-bejgħ. Spjega li filwaqt…

Annimali

Żiemel li kien għaddej mit-triq deher li beża’ xħin għaddiet minn ħdejh karozza tal-linja. Huwa kien għaddej minn Triq Bormla, iż-Żejtun. Il-filmat, meħud nhar it-Tlieta li għadda juri ż-żiemel bis-serkin…

Kurżitajiet

Jekk fil-Parlament ma jikbrux fjuri, fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali donnu hemm iktar ċans li jinbtu l-pjanti! Ritratti li nxterdu fuq il-media soċjali juru diversi siġġijiet bi xtieli u pjanti bil-fjuri dehru…

Aktar