Politika
Il-Gvern aġixxa għall-prijorità tal-familji bi proġetti ambjentali li tħabbru din il-ġimgħa – il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, qal li l-prioritajiet tal-familji u l-individwi nbidlu u l-kwalità tal-ħajja li tqatta’ ħin tajjeb mal-familja saret l-ikbar prijorità. F’attività politika fir-Rabat, Dr Muscat qal li Gvern Laburista fehem li l-kwalità tal-ħajja hija importanti u bil-proġetti ambjentali li tħabbru din il-ġimgħa qed juri bil-fatti li dan il-Gvern induna u aġixxa għall-prijorità tan-nies u tal-familji.

Irrefera għall-park nazzjonali ta’ Malta li qal mal-park eżistenti f’Ta’ Qali issa żdiedu 200 tomna oħra ta’ art biex ser ikun hemm pulmun ieħor akbar għal dawn l-inħawi fejn se jitħawwlu mat-80,000 siġra ġdida. Kompla jgħid li f’Bengħajsa wkoll se jitħawwlu 20,000 siġra oħra filwaqt li għaċ-ċentru ta’ Malta, il-Gvern għandu l-ħsieb li jsaqqaf il-mini ta’ Santa Venera u fuqhom joħloq spazju miftuħ u rikreattiv fuq 13-il tomna.

Dr Muscat semma l-projbizzjoni tal-plastik li jintuża darba u jintrema, miżura li qal se tħalli effett fuqna u fuq il-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Qal li din ukoll hija parti mid-diskussjoni dwar l-ambjent u li kull miżura torbot ma’ oħra u jwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja.

Qabbel l-investiment li qed isir fl-infrastruttura ma’ familja li qed tikber u li karozza ma tesahiex aktar u jkollha tinvesti f’vann żgħir. Qal li din is-sena biss qed isir xogħol fuq 290 triq li ma jinkludux il-junction tal-Marsa. Hu għaraf li x-xogħlijiet qed joħolqu inkonvenjent iżda ħafna nies qed jirrealizzaw li qed isir investiment fl-infrastruttura tal-pajjiż biex isservi għas-snin li ġejjin.

Dr Muscat qal li l-investiment qed isir ukoll fir-riżorsi umani u ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex iħarsu wkoll lejn karrieri fil-qasam tas-saħħa li qal hija professjoni fost l-aktar li se tkun teħtieġ in-nies. Stqarr li bħalissa diġà hemm nuqqas ta’ 400 infermier u 200 spiżjar. Dwar l-anzjani, il-Prim Ministru qal li se jkompli jżidilhom il-pensjoni fil-budget li jmiss.

Il-Ġimgħa filgħaxija, il-Prim Ministru attenda għall-attività tal-Forum Żgħażagħ Laburisti f’Ta’ Xbiex. Semma fost oħrajn li fil-ġimgħat li ġejjin se titħabbar l-istrateġija nazzjonali tal-isport u qal li l-artisti għandhom jieħdu gost meta n-nies jitkellmu u jikkritikaw l-arti li joħolqu u jinkwetaw meta ħadd ma jsemmi xejn.

Qal li l-qofol tat-tieni ġimgħa tal-kampanja elettorali kien, il-park nazzjonali ta’ Malta li qal li mhux se jkun post fejn se jkun hemm siġar biss imma post fejn wieħed imur jagħmel picnic, jara film f’ċinema żgħir għal 15-il ruħ barra jew isegwi kunċert fil-miftuħ. Dwar il-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru qal li l-indafa fil-lokalitajiet hija rwol kruċjali li għandu jkollu kull kunsill.