Lokali
Il-Gvern b’€150,000 għall-armar tal-festi

L-għaqdiet tal-armar tal-festi se jibbenefikaw minn total ta’ €150,000 biex ikunu jistgħu jkomplu bl-armar u x-xogħlijiet tagħhom għal meta jerġgħu jibdew jiġu ċċelebrati l-festi fl-ibliet u l-irħula. Il-Ministru għall-Arti Jose’ Herrera qal li dan juri li l-Gvern jagħraf l-importanza tal-festi u l-għaqdiet volontarji marbuta għax jikkontribwixxu biex ikattru l-identità Maltija.

Għat-tieni sena konsekuttiva l-Gvern nieda l-iskema bit-titlu ‘Ninvestu fl-għaqdiet tal-armar’ bil-għan li l-għaqdiet volontarji mdaħħlin fl-armar tal-festi fl-ibliet u l-irħula jingħataw l-għajnuna f’dan iż-żmien diffiċli kawża tal-pandemija.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall qal li b’hekk il-Gvern u l-Kunsill qed jgħinu u jindirizzaw l-uġigħ li qed iħossu l-artisti minħabba l-pandemija. Qal, li dan l-investiment ta’ €150,000 se jingħata lil dawn l-għaqdiet anke fi żmien li fih mhux qed jiġu ċċelebrati festi, u dan b’raġuni speċifika.

“Ironikament, meta l-festi ma jkunux se jsiru, huwa l-mument meta l-għaqdiet tal-armar u l-għaqdiet responsabbli għall-attivitajiet kulturali fir-raħal jew il-belt rispettiva tagħhom ikollhom bżonn l-għajnuna finanzjarja min-nies bħall-Kunsill Malti għall-Arti għaliex dawn il-voluntiera, minkejja li l-festa ma tkunx qed issir, dawn għalihom qisu ma ġara xejn. Ġara ħafna, imma fis-sens prattiku dawn jibqgħu għaddejjin bix-xogħol tagħhom fl-imħażen.”

Is-Sur Marshall qal li din l-għajnuna hi neċessarja anke minħabba l-fatt li f’din l-aħħar sena u xahrejn l-għaqdiet tal-armar tal-festi ma setgħux jagħmlu attivitajiet ta’ ġbir tal-fondi minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti spjega li din l-iskema tgħodd fost affarijiet oħra għad-disinn u l-manifattura tal-bandalori, il-pavaljuni, pedestalli artistiċi u armar artistiku u wkoll għall-istatwi fit-toroq. Qal, li l-linji gwida jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti u li d-data tal-għelqu għas-sottomissjonijiet hi t-3 ta’ Lulju.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Jose’ Herrera, qal li l-Gvern ħass li għat-tieni sena konsekuttiva għandu jagħti din l-għajnuna lill-għaqdiet tal-armar.

“Ħassejna li dawn l-entużjasti li qed jikkontribwixxu mhux bi ftit biex ikattru l-identità Maltija kellhom dritt ukoll għal dawn it-tip t’għajnuniet u allura għat-tieni darba din it-tip ta’ għajnuna.

Il-Ministru Herrera qal li s-sena l-oħra 35 għaqda tal-armar ibbenefikaw minn din l-iskema.