Lokali
Il-Gvern b’għajnuna finanzjara ta’ €300,000 biex Malta torganizza l-Europride 2023

Għas-sitt sena konsekuttiva, Malta żammet l-ewwel post fl-indiċi li janalizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ta’ persuni LGBTIQ f’49 pajjiż madwar l-Ewropa. Din is-sena Malta kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fil-quċċata ta’ din l-indiċi. Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija, il-Gvern ikkonkluda ftehim li bih se jagħti fondi lill-komunità LGBTIQ biex sentejn u nofs oħra, torganizza f’Malta, il-Europride.

Il-Gvern iffirma ftehim mal-Allied Rainbow Communities li bih se jagħti €300,000 fuq tliet snin biex Malta torganizza l-Europride 2023.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-Gvern qed jagħmel dikjarazzjoni b’saħħitha meta għażel li jiffirma dan il-ftehim fil-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija. Għas-sitt sena konsekuttiva, Malta żammet l-ewwel post fl-indiċi ta’ ILGA-Europe li janalizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ta’ persuni LGBTIQ fl-Ewropa.

“It-2023 se tkun okkazzjoni li niċċelebraw dan, li nġibu wkoll turiżmu lejn pajjiżna, u li niskambjaw best practices ta’ kif aħna avvanzajna dawn il-libertajiet ċivili. Niskambjawhom ma’ pajjiżi oħra għaliex sfortunatament għad hawn ukoll membri stati tal-Unjoni Ewropea li ma jirrispettawx id-drittijiet ta’ kulħadd.”

Ir-rapport juri li Malta mhux biss baqgħet fil-quċċata b’total ta’ 94 punt iżda kienet fost l-aktar pajjiżi li komplew isaħħu posthom f’dan l-indiċi. Malta kisbet ħames punti oħra wara li fl-aħħar sena ppubblikat linji gwida ġodda għall-persuni LGBTIQ li jkunu qegħdin ifittxu kenn u għall-għarfien ta’ persuni non-binary u għal proċeduri legali ta’ rikononixximent tal-ġeneru għall-minuri.

Clayton Mercieca mill-Allied Rainbow Communities qal li l-Europride se ssir bejn f’Settembru ta’ sentejn oħra.

“L-għan tagħna hu li se tkun mal-area tal-Belt kkif ukoll tal-madwar u ninvolvu wkoll lil Għawdex fiha/ Se jkun programm ta’ 10 ijiem, se ninvolvu attivisti minn madwar l-Ewropa kif ukoll minn madwar xtutna”.

Is-Sur Mercieca żied li l-Europride 2023 se tinkludi fost oħrajn diskussjonijiet varji fil-komunità, programm artistiku u bħalissa qegħdin ifittxu direttur artistiku u avvenimenti ta’ divertiment filgħaxijiet.

Intant, ir-rapport tal-ILGA-Europe juri li Malta kisbet punteġġ massimu ta’ mija fil-mija f’ħames mis-sitt kategoriji li jinkludu s-sitwazzjoni fil-famija, ir-reat ta’ mibegħd u l-liġijiet kontra diskors ta’ mibegħda, l-għarfien legali tal-ġeneru u l-integrità u l-ispazju fis-soċjetà ċivili u l-ażil. Malta kisbet 75% fl-oqsma tal-ugwaljanza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

B’reazzjoni fi tweet il-Prim Ministru Robert Abela qal li matul l-aħħar sena, Malta kompliet issaħħaħ il-punteġġ tagħha mis-snin passati u tinsab impenjata li tkompli ttejjeb dan il-punteġġ fis-snin li ġejjin.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li hu kommess li jaħdem sabiex jinqatgħu il-preġudizzji kontra persuni LGBTIQ+ u appella lill-Gvern biex il-politika nazzjonali ġdida dwar is-saħħa sesswali tinkludi l-ħtiġijiet partikolari ta’ persuni LGBTIQ+ u biex il-mediċina kontra l-HIV tibda tingħata b’xejn lil kull min għandu bżonnha.