Lokali
Il-Gvern b’għajnuna ta’ €900,000 għat-tmexxija ta’ żewġ residenzi tat-tfal u adoloxxenti

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal ġedded ftehim soċjali li għandu mas-Salesjani ta’ Don Bosco li jmexxu żewġ residenzi li jilqgħu żgħażagħ subien li ma jgħixux mal-ġenituri tagħhom.

Il-ftehim mifrux fuq medda ta’ tliet snin ilaħħaq finanzjament ta’ €900,000 biex is-Salesjani jkomplu l-ħidma tagħhom ma’ dawn iż-żgħażagħ billi mhux biss jagħtuhom saqaf fuq rashom u l-appoġġ li għandhom bżonn iżda wkoll jigwidawhom biex jgħixu ħajja indipendenti bil-għan li jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Maebel Mehari ta’ 23 sena qed jistudja x-xjenza applikata fl-MCAST wara li sab l-appoġġ li kellu bżonn mis-Salesjani ta’ Dun Bosco. Huwa żagħżugħ fost seba’ ġuvintur Maltin u barranin, li bħalissa qed jgħixu b’mod indipendenti fl-appartamenti ta’ Dar Mamma Margerita f’Tas-Sliema.

“All the support that you need from your family because when we left home we were very young so we needed help, so whether it’s financial or emotional every help we get from here and it has been very good and that is what I was looking for.”

Il-programm edukattiv residenzjali tas-Salesjani jieħu madwar erba’ snin u huwa maqsum fi tnejn. L-ewwel sentejn iż-żgħażagħ jgħixu f’ambjenti semiindipendenti flimkien f’Dar Osanna Pia, taħt superviżjoni ta’ persuni li jakkumpanjawhom. Bħalissa f’din id-dar hemm 14-il żagħżugħ.

Id-Direttur taż-żewġt idjar, Fr Savio Vella qal li l-ħidma ta’ dawn id-djar ilha għaddejja mill-1988 u dejjem kienu mimlijin. Żied li huma jitolbu biss kundizzjoni waħda mingħand dawn iż-żgħażagħ – jew jagħżlu li jistudjaw jew li jidħlu fid-dinja tax-xogħol u dan biex joħorġu miċ-ċirku tal-faqar u ma jibqgħux dipendenti fuq is-soċjetà.

Wara li jtemmu l-programm, iż-żgħażagħ ikunu kisbu l-ħiliet tal-ħajja biex ifendu għal rashom fis-soċjetà.

“Nappellaw għal kuntratturi li jkollhom appartamenti single li jistgħu jaffordjawhom għal dawn iż-żgħażagħ li finanzi tagħhom huma limitati. Aħna nkunu nistgħu nidħlu garanti għal dawn iż-żgħażagħ.”

Żied li għaddejjin ukoll bi studju biex jaraw kif jistgħu jinvolvu familji li jkunu lesti li jospitaw xi żagħżugħ biex joħolqu aktar spazju ħalli jilħqu aktar żgħażagħ li għal xi raġuni jew oħra tul tfulithom u l-adoloxxenza jkunu tilfu l-appoġġ tal-familja tagħhom.

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal ġedded ftehim soċjali li għandu mas-Salesjani ta’ Don Bosco mifrux fuq medda ta’ tliet snin u li jlaħħaq finanzjament ta’ €900,000. Il-Ministru Michael Falzon qal li huwa importanti li l-Gvern jappoġġja l-ħidma fil-qasam soċjali li ssir mill-għaqdiet mhux governattivi.

“Illum għandna b’kollox ftehim ma’ madwar 50 NGO, din tas-Salesjani hija waħda minnhom, fejn flimkien imexxu tliet idjar. Hemm l-impenn finanzjarju minn naħa tal-Gvern, qed nitkellmu fuq tliet snin b’madwar €900,000, €300,000 fis-sena. Huwa ta’ pjaċir u ta’ unur li naħdmu bħala Gvern ma’ NGOs.”

Temm jgħid li l-gwida u l-għajnuna li jingħataw dawn iż-żgħażagħ, ħafna drabi tissarraf fi stejjer ta’ suċċess u jirnexxielhom jibnu karriera, relazzjonijiet pożittivi u jgħidu ħajja dinjituża kif tixraq lil kull membru tas-soċjetà.