Qasam soċjali
Il-Gvern bi ftehim soċjali ta’ €2 miljun mal-Fondazzjoni Nazareth

Disgħa u għoxrin resident li jgħixu f’ambjent ta’ familja se jkunu jistgħu joqgħodu fid-djar amministrati mill-Fondazzjoni Dar Nazareth se jkollhom ‘carers’ 24 siegħa kuljum magħhom.

Dan se jkun possibbli permezz ta’ ftehim ta’ kollaborazzjoni ffirmat bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni b’valur ta’ aktar minn €2 miljun.

Permezz ta’ ftehim mal-Fondazzjoni Nazareth fiż-Żejtun – li topera Dar Nazareth, Dar l-Arċipriet Degabriele u Dar Madre Tereża – il-Gvern se jkun qiegħed jgħaddi maż-€2 miljun lill-Fondazzjoni biex tkun tista’ tagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lill-persuni b’diżabilità li joqgħodu fir-residenzi tagħha.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà, il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, qalet li f’għeluq il-25 sena ta’ Dar Nazareth u permezz ta’ dan l-investiment aktar persuni se jkunu jistgħu jgħixu fil-komunità.

“Għaliex dan it-tip ta’ sapport finanzjarju il-Fondazzjoni Nazareth tista’ tkompli isaħħaħ is-servizzi tagħha u jekk se nsaħħu s-servizzi għall-persuni b’diżabilità fi ħdan il-Fondazzjoni Nazareth se nkunu qed nagħtuhom aktar kwalità ta’ ħajja aħjar, f’dan l-ambjent ta’ familja li magħrufin għalih u fi ħdan komunità”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li l-aġenzija ssewgi r-residenti kollha fid-djar tal-Fondazzjoni Nazareth.

“L-Aġenzija Sapport issegwi lil dawn il-persuni u anke lill-familji tagħhom permezz tal-professjonisti tagħha, aħna għandna kemm ‘social workers’, ‘physio therapist’, ‘occupational therapist’ u naraw dak kollu li jkun hemm bżonn anke dawk li jkollhom probelmi soċjali, ikollna s-‘social workers’ li jgħinuhom”.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li l-flus jammontaw għal €600,000 iktar mill-ftehim inizjali.

“Dan huwa turija ċara tal-impenn b’saħħtu li veramanet irridu inklużjoni u kwalità tal-ħajja aħjar, inkluż tal-persuni b’diżabilità, dan il-ftehim huwa parti minn kullana ta’ ftehimiet li bdejna minn Mejju li għadda. Sa issa għamilna €15-il miljun u dan il-ftehim waħdu huwa ftit iktar minn €2 miljun”.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella qal li dan il-ftehim huwa prova li l-Gvern qed ikompli jinvesti r-riżorsi neċessarji sabiex persuni b’diżabilità jgawdu kwalità tal-ħajja li tassew jixirqilhom.