Budget
L-MDA lesta tidħol għal proġett mal-Gvern biex toffri appartamenti b’kirja ta’ €300

Is-suq tal-kirjiet ġie diskuss bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi, bil-Prim Ministru jgħid li l-Gvern fil-budget ser iħabbar miżuri biex jgħin li min ġenwinament ma jistax ilaħħaq mal-kera, iżda ser jara wkoll li l-kirjiet kollha jibdew jiġu reġistrati. Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti qal li l-MDA lesta tipparteċipa fi proġett biex ikun hawn appartament li jistgħu jinkrew bejn 300 u 400 ewro fix-xahar.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dalwaqt se tiġi ppubblikata l-white paper bi proposti dwar il-kera, li stqarr li qed jistenna li se tqajjem kontroversja. F’laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, Dr Muscat qal li l-Gvern jemmen li għandu jħalli s-suq tal-kera fil-libertà kemm jista’ u fl-istess waqt għandu jkollu regolamentazzjoni bażika. Il-Prim Ministru qal li ma jistax ikun li għad hawn ħafna kirjiet li mhumiex reġistrati u ħabbar li se tidħol sistema li kull kirja bilfors trid tkun reġistrata. Dr Muscat qal li fil-budget se jkun hemm miżuri li se jgħinu lill-familji li ġenwinament ma jistgħux ilaħħqu mal-kera.

Il-Prim Ministru rrimarka li tmenin fil-mija tal-Maltin huma sidien ta’ darhom u bl-apprezzament tal-proprjetà qed jaraw il-ġid tagħhom jiżdied. Mill-banda l-oħra, Dr Muscat irrikonoxxa li hemm 20 fil-mija oħra li għal raġunijiet differenti mhumiex f’pożizzjoni li jixtru darhom.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti qal li kull pulzier art tiswa’ mitqlu deheb. Is-sur Chetcuti qal li l-Assoċjazzjoni tħossha responsabbli biex tikkontribwixxi u tgħin lil kull min jaqa’ lura. Fil-bidu tal-laqgħa, l-MDA ppreżentat uħud mill-proposti tagħha għal budget fosthom li sidien li jikru bi prezzijiet affordabbli għal ħames snin jew aktar, għandhom jiġu inċentivati meta jittrasferixxu l-proprjetà.

Huwa qal li l-iżviluppaturi lesti jidħlu bħala garanti għall-għaxra fil-mija depożitu li jitolbu l-banek biex joħorġu s-self għax-xiri tal-propjetà jekk ikollhom inċentiv. Is-sur Chetcuti qal li l-membri tal-MDA lesti jżidu l-paga minima tal-ħaddiema fl-industrija tal-bini b’tal-anqas 20 fil-mija. Qal li dawn il-ħaddiema jeħtieġ li jkollhom l-iskills card.

L-MDA qed toffri wkoll li bl-esperjenza tagħha tidħol fi ftehim bi sħab bejn il-Gvern u l-privat biex titwaqqaf aġenzija jew fondazzjoni biex ikun hawn appartamenti għall-kiri bi prezzijiet ta’ bejn it-300 u l-400 ewro fix-xahar. Is-sur Chetcuti qal li b’din il-proposta m’hemm l-ebda skop ta’ spekulazzjoni u qed isir biss għal skop soċjali ghax qal li l-assoċjazzjoni hija mħassba bis-sitwazzjonijiet ġenwini ta’ nies li mhux ilaħħqu mal-kirjiet.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-għada li l-Awtorità tal-Ippjanar wettqet azzjoni ta’ infurzar fuq fl-istallel fil-Marsa fejn kienu qed joqogħdu għexieren ta’ immigranti, is-sidien tagħhom jidher li żbarazzaw l-istallel. Sadanittant, TVM huwa infurmat li 37…

Lokali

Il-Mużew tal-Katidral fl-Imdina ngħata dimensjoni ġdida għax mhux ser jibqa’ biss post fejn ikunu esebiti artifatti prezzjużi iżda ser joffri opportunità ta’ tagħlim u post fejn artisti privati jesebixxu l-arti…

Ikel

Fl-Awstralja, l-ekoloġisti qed iwissu li n-numru ta’ kangaroos fis-selvaġġ m’għadux sostenibbli u qed iħeġġu lill-Awstraljani biex jieklu aktar laħam ta’ dan l-annimal li hu simbolu nazzjonali ta’ dan il-pajjiż imbiegħed….

Kultura

Għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol ta’ restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt fejn qed isir restawr fuq is-soqfa tal-kurituri u li huma mogħnija bil-pitturi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr ser jiffukaw ukoll fuq l-art…

Aktar