Lokali
Il-Gvern f’negozjati mal-privat biex jixtri l-każini tal-baned mill-fondi tal-NDSF

Il-Gvern ħabbar li se jidħol f’negozjati mal-privat biex jixtri każini tal-baned mill-fondi tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NSDF. Fid-dettalji li ngħataw mill-Ministru Jose’ Herrera u s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat intqal li dan se jsir biex il-Gvern jipprovdi soluzzjoni ġusta lis-sidien ta’ propjetajiet privati u jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ żgumbrament ta’ każini tal-baned mill-propjetajiet li jinsabu fihom bħalissa.

Il-Gvern permezz tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NSDF, se jkun qiegħed jidħol f’negozjati mas-sidien privati biex jakkwista binjiet li bħalissa huma okkupati minn każini tal-baned.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat u l-Ministru għall-Kultura Jose’ Herrera qalu li l-għan ta’ dan l-intervent huwa li l-Gvern jipprovdi soluzzjoni ġusta lis-sidien tal-proprjetà privata filwaqt li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ żgumbrament minn każini tal-baned li bħalissa jinsabu f’dawn il-postijiet.

“Se tkun l-NDSF li se tinvesti biex tixtri dawn il-propjetajiet. L-intenzjoni hija biex ma nitfgħux il-piż fuq it-taxpayer Malti. Se tkun l-NDSF li fih hemm imfaddlin ammont ta’ fondi li set tkun qed tagħmel dan l-investiment sabiex tipproteġi il-każini tal-banda fl-istess ħin anke nagħtu prezz ġust u xieraq lis-sidien privati.”

Is-Segretarju Parlamentari Muscat spjega li se jkun hemm kumitat magħmul minn esperti li se jagħmel in-negozjati mas-sidien tal-propjetajiet li llum għandhom każini tal-banda. Qal li l-NDSF se joffri prezz rilevanti għas-suq ta’ llum. Is-Sur Muscat kompla jgħid li ladarba l-NDSF jilħaq dan il-ftehim, isir l-akkwist tal-propjeta’, l-istat isir sid tal-propjeta’ u mbagħad jikriha lill-każin tal-banda. Fisser kif l-intenzjoni tal-Gvern hi li jaħdem biex jasal mal-każini kollha u sostna li l-kera li mbagħad is-soċjetajiet iħallsu lill-Gvern ma tkunx ta’ valur kummerċjali. Mistoqsi x’inhu l-valur ta’ dawn il-propjetajiet kollha, is-Sur Muscat qal li mhux għaqli li bħalissa jissemmew ċifiri minħabba li n-negozjati għad iridu jibdew.

Il-Ministru għall-Kultura Jose’ Herrera qal li ftit jiem wara li ngħata dan il-Ministeru beda jaħdem fuq wegħda elettorali li kienet tgħid li fejn jidħlu propjetajiet tal-każini tal-banda hemm sitwazzjoni delikata li ħafna baned jistgħu jitilfu l-propjetà tagħhom. Sostna li jemmen fir-rwol ta’ dawn is-soċjetajiet mużikali u wkoll l-importanza tas-sidien ta’ propjetajiet privati. TVM staqsa lill-Ministru Jose’ Herrera x’jiġri f’każ li s-sid tal-propjeta’ ma jkunx irid ibigħha.

“Mela jiena jew nasal f’negozjati mas-sid u nista’ għax jiena r-remit tiegħi huwa nagħti l-valur reali, mhux valur fittizju li nimponi jien, fejn hemm iktar minn sid wieħed nista’ nixtri biċċa ħalli jien imbagħad għada pitgħada nista’ nġib il-post subbasta u nixtrih jien… Wara li jibdew in-negozjati u nisbu li hemm numru żgħir ta’ każini li ma nistgħux naslu magħhom, imbagħad hemm options oħrajn li l-Gvern ikun jista’ jieħu, anke forsi jgħin lill-każini jsibu fond alternattiv.”

TVM staqsa lill-Ministru Herrera x’jiġri f’każ fejn hemm każini li bħalissa hemm kawża fuqhom. Dr Herrera wieġeb li jekk il-Gvern jasal fi ftehim ma’ sid ta’ post, taqa’ l-kawża; filwaqt li sostna li f’każ li l-kawża tkun għadha għaddejja, se jkun propost diferiment tal-każ sal-eżitu tan-negozjati li jkunu qed isiru bejn il-Gvern u s-sid tal-post. Il-Ministru Herrera qal li l-Gvern mhux jesludi li ‘l quddiem l-każini li jixtiequ jsiru sidien tal-propjeta’, jixtruhom mill-NDSF.