Politika
“Il-Gvern għandu jkun aktar effiċjenti fl-għoti tal-vaċċin” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jkun aktar effiċjenti fl-għoti tal-vaċċin.

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li laqgħa li l-Covid Action Team tiegħu mmexxi mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kellu mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija wriet li l-Prim Ministru m’għandux jibqa’ jgħaddi ż-żmien bin-nies dwar saħħithom meta jagħti miri dwar l-għoti tal-vaċċin li ntqal ma jistgħux jintlaħqu.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dak li qal il-Ministru tas-Saħħa llum, li l-immunità mistennija tintlaħaq lejn l-aħħar tas-sajf, jikkontradixxi l-miri tal-Prim Ministru li jrid imur business as usual sa Mejju. Biex jiġri hekk u jkollna normalità sa Mejju, il-Partit Nazzjonalista qal li jridu jingħataw aktar minn 5,000 vaċċin kuljum, meta bħalissa qed jingħataw mal-50 kuljum.