Lokali
Il-Gvern għandu l-ewwel abbozzi għal metro – jeħtieġ sa 25 sena biex isir

Transport Malta applikat mal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea dwar il-Proprjetà Intelletwali biex ikollha t-trademark għall-isem Metro Malta. Dokumenti li ra Television Malta juru li l-applikazzjoni saret il-ġimgħa l-oħra u dan ifisser li jekk il-proġett isir, iġorr l-isem Metro Malta. Intervistat fil-programm DISSETT, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li l-istudji dwar sistema ta’ trasport tal-massa jinsabu avvanzati. Qal li l-Gvern joħroġ il-pjani meta jkollu stampa ċara ta’ diversi kunsiderazzjonijiet dwar il-vijabilità tal-proġett.

Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, qal li kumpanija internazzjonali ta’ fama, li qabel l-aħħar elezzjoni tqabbdet mill-Gvern biex tistudja pjani għal trasport tal-massa ppreżentat l-ewwel abbozzi ta’ pjan dwar sistema ta’ metro. Qal li proġett tax-xorta jiswa’ biljuni, jeħtieġ sa kwart ta’ seklu biex jitwettaq u l-Gvern irid jistudjah biex jiżgura fost l-oħrajn li hu vijabbli finanzjarjament.

Dr Borg ikkonferma tagħrif ippreżentat lilu fil-programm DISSETT, li l-ġimgħa l-oħra l-Uffiċċju Ewropew għall-Proprjetà Intellettwali rċieva applikazzjoni minn Transport Malta biex ikollha trademark bl-isem Metro Malta.

Il-Ministru Ian Borg qal “iva hu minnu. M’għandix x’naħbi. Anzi qed tikkonferma li l-Gvern Malti u l-Awtorità qed jaħdmu bis-serjetà fuq din. U nista’ ngħidlek il-verità fuq dik ukoll, li għandek numru ta’ ideat li qed jiġu sparati minn diversi nies kemm f’Malta u anke internazzjonali. Jien hekk nieħu pjaċir li jkun hemm diskussjoni. Tajjeb li kull min jagħmel stqarrijiet u l-ħolma tiegħu jpenġiha u jagħtiha lil xi ġurnalist, ikun ukoll responsabbli f’dak li jkun qed jgħid u responsabbli f’dak li possibilment qiegħed jipproponi. L-Awtorità rat li dak l-isem possibilment qed jintuża minn nies u rreġistrat l-isem”.

Kruċjali fis-somom li jridu jsiru: kemm huma n-nies li jistgħu jużaw il-metro u jekk dan jagħmilx is-servizz vijabbli. Dr Borg indika li l-istudji wrew li mhemmx biżżejjed nies biex is-servizz ikun estiż lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta, aħseb u ara lejn Għawdex kif hemm min issuġġerixxa fi pjanti li dehru fil-media.

Ian Borg qal “il-kumpanija li qed tagħmlilna l-istudju qaltilna li biex nibdew niddiskutu l-vijabilità. Irid ikollok massa ta’ nies li tal-anqas tlaħħaq 150,000 ruħ f’Għawdex. Ma tarax. Aħna Għawdex irriduh jibqa’ kif inhu mhux iżżidlu n-nies biex tagħmel metro feasible.”

Mistoqsi dwar id-direzzjoni għall-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, Dr Borg wieġeb li donnu hemm min diskussjoni li ilha għaddejja mill-ħamsinijiet irid iżommha għaddejja għal dejjem. Stqarr li l-Gvern għandu mandat elettorali biex iwettaq il-proġett u spjega li studji saru u hemm oħrajn li qegħdin isiru.

Dissett talab ir-reazzjoni tal-Ministru Borg għall-fatt li żewġ għaqdiet li jirrappreżentaw lill-istudenti u l-ħaddiema biddlu fehemthom u minn favur iddikjaraw pożizzjoni kontra l-mina. “Ejja nkunu onesti. Nikkritikaw u nbiddlu l-pożizzjoni fi żmien 3 xhur/4 xhur għax vera għandna għal qalbna lil Għawdex? Għaliex aktar jinteressana li l-Partit Laburista fil-Gvern ma jimplimentax il-proġett? Jew għax hemm argumenti razzjonali li rridu niddiskutu? qal il-Ministru Borg.

Il-Ministru Borg qal li l-Gvern baqa’ jaħdem bl-esperti li kien qabbad Gvern Nazzjonalista.

DISSETT jixxandar illejla wara l-aħbarijiet fuq TVM.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Kompla llum fil-Qorti il-kumpilazzjoni fil-qtil ta’ Maria-Lourdes u Angele Bonnici li qed jiġi allegat li nqatlu mill-iben/ħu l-vittmi – Joseph Bonnici. Fil-Qorti ta x-xhieda tiegħu l-missier tal-familja Bonnici, Paul li…

Lokali

Fuq il-paġna tiegħu, Bjorn Formosa, is-simbolu Malti li jirrappreżenta l-pazjenti li jbatu mill-ALS, qal li ddaħħal b’urġenza l-isptar. Jidher li Bjorn ma kienx qed jieħu nifs sew iżda minkejja dan…

Knisja Maltija

Nhar is-Sibt li ġej 4 djakni djoċesani se jiġu ordnati saċerdoti.  L-ordinazzjoni presbiterali se ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt fid-9.30am. L-4 saċerdoti ġodda huma Peter Ellul mill-Parroċċa ta’ San Pawl…

Lokali

Illum, il-President ta’ Malta George Vella jagħlaq 77 sena u qed iqatta’ għeluq sninu flimkien mal-atleti tal-basketball b’abbiltajiet imħallta. L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, il-Malta Basketball Association, Malta Wheelchair Basketball, Aġenzija…

Aktar