Lokali
“Il-Gvern hu impenjat jindirizza sfidi relatati mas-saltna tad-dritt, is-sistema tal-ġustizzja u l-istituzzjonijiet pubbliċi” – PM

Il-Prim Ministru Robert Abela assigura lir-rappreżentanti tal-gvernijiet barranin f’Malta li l-gvern hu impenjat jindirizza sfidi relatati mas-saltna tad-dritt, is-sistema tal-ġustizzja u l-istituzzjonijiet pubbliċi. Dr Abela qal li l-ewwel deċiżjonijiet li ħa huma prova ta’ dan.

Il-President, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni laqgħu lill-membri tal-korp diplomatiku akkreditat għal Malta għall-bdil tal-awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida.

Fil-laqgħa annwali tal-bidu tas-sena mal-Ambaxxaturi fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li s-sena l-oħra kienet pożittiva għall-ekonomija Maltija li rreġistrat surplus fil-finanzi u kompliet timplimenta għadd ta’ inizjattivi soċjali. Irrikonoxxa li kien hemm sfidi u li tqajjmu għadd ta’ domandi dwar is-saltna tad-dritt, is-sistema tal-ġustizzja u l-istituzzjonijiet. Qal li dawn l-isfidi issa jinsabu fuq nett tal-aġenda tal-gvern immexxi minnu u semma fost l-oħrajn li inkariga lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza Tajba biex jindirizzahom.

Il-Prim Ministru Abela qal li permezz tal-Ministru Evarist Bartolo, il-gvern se jaħdem biex ikompli jsaħħaħ ir-relazzjonjiet internazzjonali, bi djalogu kostruttiv. Qal li Malta qed tfittex li ssaħħaħ r-relazzjonijiet mal-Asja u semma t-tħejjijiet għall-ftuħ ta’ ambaxxata ġdida fil-Ġappun. Bl-istess mod qed tingħata importanza lill-Afrika fejn il-ġimgħa l-oħra bdiet il-konsultazzjoni dwar strateġija għal sħubija bejn Malta u dan il-kontinent. Referenza għal-Libja, bil-Prim Ministru qal li Malta ma taqbilx ma azzjoni minn pajjiżi barranin. Qal li Malta tibqa tappoġġja s-soluzzjoni lejn it-twaqqif ta’ żewġ stati fil-Lvant Nofsani u fakkar fl-aspirazzjoni ta’ Malta li jkollha siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurta’ tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.

In-Nunzju Appostoliku, l-Isqof Alessandro D’Errico,li hu d-Dekan tal-Korp Diplomatiku qal li huwa kunfidenti li l-ambaxxaturi se jkattru r-relazzjonjiet pożittivi li kienu jgawdu mal-predeċessur tiegħu, l-eks Prim Minsitru Joseph Muscat.

Il-President George Vella indirizza lill-ambaxxaturi fil-Palazz Verdala. Hu rrikonoxxa li l-avvenimenti li seħħew is-sena li għaddiet setgħu tebbgħu l-immaġini li Malta tgawdi barra. Qal madankollu li r-realta’ kompleta dwar il-mod kif ġiet pproġettata Malta ma tagħtix l-istampa kollha u li l-valuri tal-Maltin kienu, għadhom u jibqgħu msejsa fuq l-bżulija, l-onestà, it-toleranza, l-aċċettazzjoni u d-demokrazija/ Ħeġġeġ lill-Ambaxxaturi biex iwasslu l-messaġġ li Malta se tkun qed tinnormalizza s-sitwazzjoni wara dak li għaddiet minnu.

Fi ħsieb il-President Vella, il-Libja, fejn qal li l-interessi tal-poplu qed ikunu ikkalpestati u qal li Malta għandha tibqa’ impenjata b’sehem biex tinstab soluzzjoni diplopmatika.

Fergħa oħra tal-Korp Diplomatiku: il-Konsli Onorarji, ġew indirizzati mill-Prim Ministru Robert Abela. Hu qal li Malta tibqa proattiva biex isaħħaħ l-ekonomija minkejja li irrikonoxxa li hemm kwistjonijiet li possibilment setgħu xekklu s-saltna tad-dritt. Qal li l-gvern hu impenjat li jindirizza nuqqasijiet permezz ta’ riformi biex ikompli jippromovi l-valuri tal-istat.

Id-dekan tal-korp tal-konsli onorarji, Godwin Bencini, qal li saret ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta li m’hijiex se tissolva malajr. Qal madankollu li l-konsli onorarji huma konvinti li l-prim ministru se jagħmel dak kollu possibli biex joħroġ lil Malta mill-qagħda li tinsab fiha fosthom b’riformi li jiggarantixxu l-prinċipji tal-ġustizzja.

Aħbarijiet Oħra
Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed iwissi li r-riħ mill-Majjistral ser ikun qawwi f’xi waqtiet fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Ir-riħ mistenni jilħaq qawwa ta’ forza 6.

Kronaka

Dalgħodu, għall-ħabta tas-6:30, raġel Malti ta’ 72 sena nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu. B’dan il-każ ġew infurmati minnufih il-pulizija tad-distrett biex jinvestigaw, u nħatret inkjesta bil-Maġistrat tal-Għassa, kif ukoll inkjesta interna.

Lokali

Tħabbret il-mewt taċ-Chairman tal-Bord tal-Housing Affordabbli,  Joseph Bartolo. Magħruf ukoll bħala l-Isloopy, Bartolo kien ukoll consulent fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Bosta qalu li se jibqgħu jiftakruh bħala riformatur soċjali u bejjiegħ…

Aktar