X

Il-Gvern ibassar li din is-sena l-ekonomija se tiċkien imma terġa’ tikber is-sena d-dieħla

Story Published

Il-Gvern qed ibassar li din is-sena l-ekonomija tiċkien b’5.4% iżda s-sena d-dieħla terġa’ tikber bi kważi 4%. Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna qal li għalkemm is-sitwazzjoni qed tinbidel il-ħin kollu, sa llum, il-Gvern qed jikkalkula li din is-sena jispiċċa b’defiċit ta’ aktar minn 7%. Fl-istess waqt aġenzija ta’ kreditu Ġermaniża ‘Scope ratings’ ikklassifikat lil Malta mal-ewwel ħames pajjiżi minn 63 li evalwat għall-abilità li għandhom biex jirreżistu l-effetti tal-pandemija.

B’diversi negozji jistennew li jibdew jitnaqsu r-restrizzjonijiet li ddaħlu f’Marzu li għadda, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri qal li l-Gvern se jgħinhom jaqbdu ċertu ritmu fl-attività kummerċjali tagħhom.

Il-Ministru Schembri u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela ltaqgħu b’mod virtwali mal-imsieħba soċjali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fi ħdan il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u iddiskutew l-impatt tar-ristrizzjonijiet fuq in-negozji u l-istrateġija ta transizzjoni.

“Ma jfissirx li kif tiftħu l-attività kummerċjali ta’ dak in-negozju ħa tkun l-istess bħal ma kienet qabel il-COVID, allura bħala Gvern qed naħdmu fuq mudell li jkollna state phasing out bilmod tal-miżuri li ħadna qabel u fl-istess ħin phasing in ta’ ċertu miżuri li se nkunu qed naraw mill-aspett ekonomiku li se nkunu qed nieħdu”.

Fil-laqgħa tal-MCESD, il-Ministru Abela qal li kif il-Gvern qed joħroġ ir-riżorsi biex jiġu salvati l-impjiegi, u min iħaddem ukoll irid jagħmel l-parti tiegħu. Fakkar li kumpaniji f’diffikultà li jridu jbiddlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema għandhom jgħarrfu lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi. Saħaq qal li l-Gvern mhux se jittolera abbużi.

Aktar tard f’laqgħa oħra li għaliha ġew mistiedna wkoll ir-rappreżentanti tal-core group tal-MEUSAC u l-ġurnalisti, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li fiċ-ċirkustanzi diffiċli ħafna għall-Gvern li jbassar l-impatt ekonomiku.

“Issa qed titwal b’mod li rridu nbiddlu l-mod kif naħdmu u ngħixu, allura hawnhekk iktar diffiċli kif se tirpilja l-ekonomija, nisperaw li ma naqgħux f’riċessjoni kbira għaliex din taffettwa lil kulħadd”.

Il-Professur Scicluna qal l-istimi preliminari tal-Gvern huma li din is-sena jkun hemm defiċit ta’ madwar 7.5% waqt li l-ekonomija tonqos b’aktar minn ħamsa fil-mija iżda terġa’ tirkupra fl-2021 bi tkabbir ta’ kważi erbgħa fil-mija (3.9%). Huwa semma li sfida partikulari hija li ma jiżdiedux il-persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, bil-Gvern qal li se jkompli jwieżen lil dawn il-persuni b’għajnuniet finanzjarji u miżuri oħra.

Intant, l-aġenzija ta’ kreditu Ġermaniża ‘Scope ratings’ ikklassifikat lil Malta mal-ewwel ħames pajjiżi minn 63 pajjiz li għandhom biex jirreżistu l-effetti tal-pandemija. Il-pajjiżi li kklassifikaw qabel Malta huma t-Tajwan, iċ-Ċina, l-Iżvizzera u t-Tajlandja. L-ekonomisti tal-aġenzija nnutaw il-qagħda pożittiva tal-finanzi pubbliċi u l-piż baxx tad-dejn nazzjonali.

Related Post